Lokali

“Il-care workers jeħtiġilhom kundizzjonijiet aħjar” – Allied Health Care Workers’ Union

Il-care workers f’pajjiżna qed jappellaw lill-Gvern biex minnufih jieħdu bis-serjetà l-kundizzjonijiet tagħhom hekk kif is-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom hi waħda tal-biża’.

Fi stqarrija, Allied Health Care Workers’ Union qalet li hemm bżonn li bis-serjeta’ tiġi indirizzata l-problema tal-prekarjat filwaqt li qed jiġu sfruttati u l-problema ta’ komunikazzjoni bejn il-pazjenti u l-ħaddiema minħabba nuqqas t’għarfien tal-Ingliż u l-Malti.

Dan fid-dawl ta’ xhur sħaħ ta’ diżgwid kbir bejn il-Gvern u l-Infermiera u l-Qwiebel biex jinqabel ftehim settorjali ġdid.

Allied Health Care Workers’ Union qalet li l-ħaddiema tagħha jinsabu mweġġa’ għall-fatt li huma ġew injorati u mwarba biex igawduh biss faxxa ta’ ħaddiema biss. Huma fakkru li l-care workers jaħdmu spalla ma’ spalla mal-infermiera f’xogħol ta’ rutina ta’ kuljum mal-pazjenti u l-anzjani.

Għaldaqstant, l-grupp qal li l-Gvern u l-Awtoritajiet għandhom jirrikonoxxu dan fir-rigward tal-ħaddiema billi jingħata wkoll l-għarfien mistħoqq ukoll lil dawn il-ħaddiema għax-xogħol li jagħmlu permezz ta’ benefiċċji u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għalihom.