Għexieren ta’ eluf ta’ Kanadiżi qed jiffaċċjaw forsi l-akbar emerġenza ta’ nirien fl-istorja tal-pajjiż. Dan meta l-awtoritajiet madwar ir-reġjun Kanadiż tan-Northern Territories qed jagħmlu l-almu biex irażżnu l-qilla tal-fjammi li qabdu qalb għexieren ta’ zoni u li qed jinfirxu b’mod mill-aktar allarmanti.
L- emerġenza tinvolvi mal-240 inċidenza ta’ nirien qalb foresta u art aħrax…Nirien li qegħdin jheddu kontinwament lill-ibliet u l-inħawi residenzjali u meta salbieraħ kienet għaddejja l-evakwazzjoni tar-residenti mill-belt ewlenija ta’ Yelloknife.
Il-kriżi, fl-aħħar sigħat, kienet tassew sinifikanti, bin-nirien jaslu sa10 kilometri biss ‘il hinn mill-inħawi ta’ Yellowknife fid-direzzjoni tal-majjistral. Dan meta ma kienx magħruf kemm laħqu evakwaw minn fost l-20,000 residenti tal-belt, bl-evakwazzjoni tħabbat wiċċha mal-kumplikazzjonijiet fost id-direttivi urġenti biex in-nies ‘jabbandunaw kollox u jitilqu’.
Fl-aħħar sigħat, iffurmaw sriebet kbar ta’ nies li kellhom jistennew għal sigħat biex jaqbdu l-ajruplani biex joħorġu miz-zoni ta’ periklu. Fil-fatt, l-awtoritajiet Kanadiżi, sal-bieraħ, kienu bagħtu talanqas 22 ajruplan biex jgħinu bl-evakwazzjoni.
In-nirien anki ħolqu emerġenza fil-provinċja ta’ British Columbia, lejn il-Punent tal-Kanada u fejn eluf ta’ nies oħrajn spiċċaw evakwati fost l-istat ta’ emerġenza uffiċjali.
Dan meta l-awtoritajiet fid-diversi provinċji u reġjuni tal-Kanada jinsabu mħassbin sew dwar din il-kriżi tan-nirien fuq livell li l-pajjiż qatt ma għadda minnu tul l-aħħar 100 sena.
//= $special ?>