Tiġi fi tmiemha esperjenza unika għal 42 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn l-14 u s-17-il sena li qattgħu tliet ġimgħat il-Korea t’Isfel għall-World Scout Jamboree.
Tkellimna ma’ Sean Spiteri li qalilna kemm din l-esperjenza fisret għalih hekk kif hi waħda unika.
“Għalkemm kienet Jamboree diffiċli, bħala parteċipanti ħadna ħafna affarijiet li tgħallimna minnhom,” qal Spiteri. “Sibna ħafna sfidi iżda irnexxielna noħorġu minnhom b’suċċess.”
Il-Kap tal-Kontinġenza, Timmy Cutugno qalilna biex il-kontinġent kollu ta’ 75 Malti u Għawdxi ħadem bla qatigħ biex din l-esperjenza tkun ta’ suċċess għal dawk kollha li pparteċipaw.
“Sentejn u nofs qabel nibdew nippjanaw u ngħażlu l-kontinġent biex imbagħad nagħmlu attivitajiet biex iż-żgħażagħ isiru jafu lil xulxin,” qal Cutugno “Ma kinitx Jamboree faċli iżda tgħallimna ħafna flimkien. Esperjenza li ġabitna ħafna iktar qrib ta’ xulxin.”
Esperjenza li minkejja l-pjanijiet kollha li saru minn qabel, xejn u ħadd qatt ma ssopona minn dak li kienu se jgħaddu minnu. Fil-fatt, l-attivitajiet kellhom jinbidlu xi ftit jew wisq biex jaddattaw għall-kundizzjonijiet tat-temp li esperjenzaw, kif jispjegalna aħjar il-Kummissarju Internazzjonali, Edward Vella.
“Qatt mhu se ninsa l-mument meta qalulna biex nevakwaw il-kampijiet minħabba li kien ġej it-tifun lejna,” qal Vella. “Ġejna evakwati minkejja li t-tifun xorta waħda ma laqatx iz-zona li konna fiha iżda fl-aħħar mill-aħħar l-aqwa li kulħadd kien sigur.”
Għal din il-World Scout Jamboree attendew mat-43,000 persuna minn 150 pajjiż minn madwar id-dinja.
//= $special ?>