Lokali

Jinbiegħu l-liċenzji tas-sewqan illegalment f’isem Transport Malta

Informazzjoni li wasslet għand Net News turi kif persuna jew persuni li l-identità tagħhom mhix magħrufa qed ibiegħu b’mod illegali kopji tal-liċenzji tas-sewqan f’isem Transport Malta.

Meta wieħed jibgħat messaġġ fuq numru partikolari u jitlob biex ikollu l-liċenzja tas-sewqan qed jiġi gwidat eżatt x’għandu jagħmel biex jakwistaha. Wieħed qed jintalab jgħażel il-kategorija tal-liċenzja tas-sewqan, fosthom karozzi, muturi jew trakkijiet biex imbagħad jingħata l-prezz skont il-kategorija.

Il-messaġġi jgħidu li dawn il-liċenzji huma mmirati b’mod speċjali għal dawk li jafu jsuqu, għalkemm l-ebda prova ma tingħata ta’ dan.

Wieħed jista’ jingħata wkoll liċenzja tas-sewqan biex ikun jista’ jsuq taxi jew cab. Dan ifisser li jkun qed ipoġġi f’periklu mhux biss dawk fit-triq iżda wkoll il-passiġġieri li jkollu miegħu – għaliex il-licenzja qed tispicca f’idejn nies li lanqas biss qed ipoġġu għat-test tal-karozza.

Każ simili kien ħareġ fil-beraħ ġimgħat ilu meta l-Pulizija bdiet tinvestiga allegazzjonijiet li bdew isiru fuq il-mezzi soċjali fejn kien iċċirkolat messaġġ ta’ individwu li qed ibigħ ‘tag’ li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jsuq vetturi b’Y-plate f’pajjiżna… mingħajr ma jkollu liċenzja tas-sewqan.

Dawn it-tags ikunu falsifikati u allura dan kollu jindika li jekk sewwieq ikun qed idur fit-toroq ta’ pajjiżna b’dawn it-tags, qed jagħmel hekk b’mod illegali.