Lokali

Jinġabru madwar 210 borża mimlija skart minn Kemmuna

Il-grupp ambjentalist, Nadur Nadif jinnotaw telqa u nuqqas ta' infurzar tal-liġijiet fuq il-gżira ta' Kemmuna

Matul din is-sena il-grupp ambjentali li jġib l-isem ‘Nadur Nadif’ ġabar madwar 210 boroż mimlija skart u oġġetti li nstabu mgħormija fuq il-gżira ta’ Kemmuna.

Kull darba li saru dawn il-clean-ups, il-voluntieri nvoluti nnotaw it-telqa li qed titħalla fuq din il-gżira u saħansitra n-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet; b’dawk li qed imorru Kemmuna qed jispiċċaw iħallu ħerba sħiħa warajhom.

Fil-fatt, stqarrija maħruġa mill-grupp ‘Nadur Nadif’ tgħid kif waqt mixja qasira minn Blue Lagoon għall-Bajja ta’ Santa Marija u li spiċċat sal-isptar l-antik ġie nnotat li sat-8:15am il-bajjiet kienu miksija b’sunbeds li ntramaw b’mod illegali. Dan filwaqt li l-ammont ta’ skart mgħormi fuq il-gżira  tant huwa kbir li l-voluntieri spiċċaw lanqas biss laħqu mal-volum kollu li kien hemm.

Huma nnotaw kif il-bins meħtieġa għall-ammont ta’ turisti li jżuru Kemmuna fis-Sajf mhux biss mhumiex ilaħqu mad-domanda tant li l-iskart jispiċċa jaqa’ madwar il-bins kollha, iżda saħansitra qed iwasslu biex ikerħu din il-gżira.

Il-grupp ambjentali Għawdxi appella lill-awtoritajiet sabiex minnufih jieħdu azzjoni hekk kif minkejja diversi protesti u sejħiet li saru fl-aħħar snin, il-Gvern  ma ħa ebda azzjoni; għajr wegħdiet li qatt ma seħħu.

Fil-fatt, is-sajf li għadda kien il-Ministru Clayton Bartolo stess illi kien wiegħed li dawn l-affarijiet kienu se jkunu xi ħaġa tal-passat.

“L-affarijiet se jkunu qed jibidlu sas-sajf li ġej żgur,” qal l-Ministru Clayton Bartolo fl-2022.

Is-sena l-oħra, il-Ministru kien qal li li l-Gvern qed jagħmel xogħolu – u spiċċa jfarfar fuq in-nies.

“Il-Gvern se jkun qed jagħmel il-arti tiegħu iżda nistenna li l-pubblika inġenerali tal-anqas ikollu d-diċenza li fuq dawn l-affarijiet iż-żgħar jimxi b’mod responsabbli,” qal l-Ministru Clayton Bartolo fl-2022.

Minkejja dawn il-wegħdiet kollha li saru …. sena wara, kollox għadu eżatt bħalma rajna fis-sjuf preċedenti. U l-Gvern mhu jagħmel ebda tip ta’ infurżar sabiex jassigura turiżmu sostenibbli fuq il-gżira ta’ Kemmuna…u li jitħares l-ambjent uniku tal-post.

Dawn ir-ritratti ttieħdu fid-9 ta’ Awwissu 2023 minn Nadur Nadif