Il-meteoroloġisti madwar l-Ewropa wissew li l-kontinent għandu jistenna mewġa ta’ sħana oħra fuq l-istess livell jew aktar tal-‘heatwave’ storiku ta’ Ġunju.
Dan ukoll fost it-twissijiet kontinwi biex in-nies mill-ġdid jieħdu l-prekwazjonijiet kollha neċessarji fl-interessi tas-saħħa sakemm il-mewġa tgħaddi.
Fil-fatt, it-tieni ‘fenomenu tas-sħana’ għal dan is-sajf – li mistenni għall-ġimgħa d-dieħla — kapaċi jkun xprunat minn element aktar qalil magħruf bħal ‘heat dome’ …Element li kważi jiggarantixxi rekords ġodda ta’ sħana matul il-jiem li ġejjin.
Il-‘heat dome’ li qed jaqsam mill-Alġerija u l-Marokk fid-direzzjoni tal-Ewropa għandu jintensifika t-temperaturi diġà għoljin minbarra li jżid il-potenzjal għan-nirien qalb l-aħrax. Dan jippermetti biex mewġa ta’ pressjoni għolja tibqa’ għal żmien fl-atmosfera waqt li tissiġilla l-arja sħuna mill-oċeani sakemm din tespandi fl-atmosfera u lejn l-art fejn, imbagħad, tingħaqad ma’ aktar kurrenti tal-arja sħuna.
Il-pajjiżi li għandhom jintlaqtu l-agħar minn dan il-fenomenu huma Spanja u l-Portugall, bl-effetti mistennija jinħassu anki fl-Istati tal-Mediterran.
Sadanittant, kelliema għal Meteo France qalu li t-temperaturi jistgħu jżommu minimu ta’ 40 grad Celsius lejn in-nofsinar ta’ Franza, bl-esperti tat-temp ma jeskludux li l-mewġa tas-sħana imminenti tista’ tkun l-ogħla qatt irreġistrata fil-pajjiż. Dan ukoll meta l-Gvern Franċiż iltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-aktar miżuri effettivi għal kontra l-effetti tal-heatwave li jmiss.
//= $special ?>