Il-familji Maltin għadhom qed jaffaċjaw inflazzjoni u prezzijiet li huma ferm ogħla mill-medja taz-Zona Ewro. Dan kien konfermat minn ċifri li ġew ippubblikati illum mill-Eurostat għax-xahar ta’ Lulju.
L-istatistika turi li għalkemm fuq Ġunju kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni, il-prezzijiet f’Malta xorta għadhom piż kbir fuq il-ħaddiema, l-anzjani u l-familji; partikolarment il-prezz tal-prodotti bażiċi tal-ikel.
Il-Eurostat tikkonferma wkoll li pajjiżi bħall-Belġju, Spanja, l-Irlanda, Franza u l-Portugall għandhom rata tal-għoli tal-ħajja li hi ferm inqas minn dik ta’ Malta; bil-Gvern ftit li xejn irnexxielu jindirizza din il-kriżi tal-prezzijiet.
Ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta baqgħet fil-livell ta’ kważi 6% – preċiżament 5.6%, li hi rata ogħla mill-medja tal-pajjiżi taz-Zona Ewro.
Matul ix-xahar ta’ Lulju, l-akbar impatt li kkontribwixxa fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.69 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla taʼ prodotti moħmija. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti pożittivi fuq l-inflazzjoni ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+1.37 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ fuels oħrajn (+0.73 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u fil-kirjiet.
//= $special ?>