Futbol Sport

Sarina Wiegman mistennija tibqa’ kowċ tal-Ingilterra

(Ritratt: EPA)

Sarina Wiegman qalet li mhux qed tippjana li tħalli t-tmexxija tat-tim Ingliż tan-nisa. Wiegman għandha kuntratt li jintemm fl-2025. Fl-aħħar jiem Wiegman kienet qed tissemma biex tkun il-kowċ li jmiss tat-tim tan-nisa tal-Istati Uniti filwaqt li diversi rapporti fil-midja Ingliża qed jgħidu li tista’ tieħu post Gareth Southgate bħala kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż tal-irġiel.

Minn meta ħadet f’idejha t-tim Ingliż Wiegman rebħet erba’ tazzi, l-Euro 2022, darbtejn Arnold Clark Cup u l-Finalissima. Hi wkoll l-ewwel kowċ li rnexxileha twassal żewġ nazzjonijiet differenti f’finali tat-Tazza tad-Dinja hekk kif għamlet hekk meta kienet kowċ tal-Olanda fl-2019.

L-Ingilterra se jilgħabu l-finali tat-Tazza tad-Dinja nhar il-Ħadd fi 12.00pm kontra Spanja.