“Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja ferm aħjar f’pajjiżna.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post fuq il-midja soċjali wara li statistika tal-Eurostat uriet li l-għoli tal-ħajja f’Malta jibqa’ ferm aktar gravi mill-piż li qed jaffaċċjaw il-familji fil-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Bernard Grech sostna li din hija r-realtà li qed ikollu jaffaċċja ta’ kull xahar il-poplu Malti u Għawdxi kaġun tan-nuqqasijiet tal-Gvern ta’ Robert Abela. Huwa saħaq li dan huwa ta’ piż kbir fuq il-poplu; partikolarment il-prezz tal-prodotti bażiċi tal-ikel.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalkemm l-istatistika tal-Eurostat turi li matul ix-xahar ta’ Ġunju kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni, il-prezzijiet f’pajjiżna xorta waħda għadhom ogħla mill-medja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Apparti minn hekk, Bernard Grech enfasizza l-bżonn li nbiddlu l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna filwaqt li fakkar fil-prosposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward.
Il-proposti huma dawn:
- Li jissaħħu s-setturi li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista
- Li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħolijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna
- Li l-allowance tal-COLA ma jkunx taxxabbli
- Li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja
- Fond Nazzjonali b’budget annwali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja
- Li jiddaħħlu aktar inċentivi biex attivitajiet ekonomiċi li ma jniġġsux ikunu ppremjati