Lokali

Il-problema tad-droga f’pajjiżna hija ta’ tħassib kbir

Kemm hi verament kbira l-problema tad-droga f’pajjiżna?

Dan kien it-tħassib espress fl-editorjal tas-Sibt ta’ ‘The Malta Independent’ hekk kif il-problema tad-droga f’pajjiżna qed tidher li hija waħda serja, speċjalement wara li matul dan ix-xahar seħħew żewġ qabdiet b’ammonti sostanzjali ta’ droga.

L-editur qal li l-problema tad-droga f’pajjiżna hija aktar serja milli naħsbu, għaliex ma kull sejba ta’ droga wieħed għandu jaħseb kemm qed ikun hawn droga li jirniexxielha tidħol Malta u ma tinqabadx minn naħa tal-awtoritajiet.

Apparti minn hekk, l-editur saħaq li wieħed għandu jfaħħar l-ħidma tal-Pulizija – iżda fl-istess ħin qed tidher b’mod ċar li l-Pulizija għandhom bżonn aktar riżorsi sabiex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effiċjenti.

U huwa għalhekk li l-Pulizija flimkien mal-awtoritajiet involuti għandhom ikollhom il-mezzi kollha sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw dawn il-każijiet bir-reqqa ħalli ikompli jonqos l-ammont ta’ droga li tidħol f’pajjiżna.

Il-problema serja tad-droga anke spiċċat f”gazzetti Ingliżi li pinġew lil pajjiżna bl-aktar mod negattiv; deskrizzjoni li tista’ tagħti daqqa ‘l isfel lil dak li huwa meqjus bħala “turiżmu ta’ kwalita” – xi ħaġa li pajjiżna jiddependi ħafna fuqu.

Din il-problema tad-droga ilha snin li kompliet teskala f’pajjiżna, fejn saħansitra ftit tax-xhur ilu l-Maġistrat Joe Mifusd f’diskors iebes ferm kien qal li d-droga qed toħloq kultura tal-mewt. Dan wara li f’Jannar li għadda Pelin Kaya nqatlet b’mod l-aktar traġiku minn persuna li kien qed isuq taħt l-effetti tad-droga.

Għaldaqstant l-editur tal-Independent appella sabiex tittieħed azzjoni b’mod immedjat bil-għan li l-problema tad-droga ma ssirx waħda inkontrollabbli għaliex aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed ikunu kbar is-sejbiet tad-droga f’pajjiżna; sinjal ċar li Malta qed tkun użata bħala rotta ewlenija għat-traffikanti.