Lokali

‘Rota’ tikkritika d-disinn tal-proġett tal-Imsida Creek

“Huwa essenzjali li t-toroq f’pajjiżna jakkomodaw lil kulħadd inkluż liċ-ċiklisti sabiex ikomplu nippromovu trasport sostenibbli f’pajjiżna. Dan jista’ jsir billi tingħata prijorità lis-sigurtà kif ukoll il-konvenjenza għaċ-ċiklisti u għal dawk li jkunu jixtiequ jimxu minn post għal ieħor.”

Dan sostnietu l-għaqda Rota fi stqarrija wara li ħejjiet analiżi ddettaljata tat-tender tax-xogħolijiet għall-proġett tal-Imsida Creek minn Infrastructure Malta. Fl-istqarrija Rota esprimiet tħassib dwar id-disinn tal-proġett kif ukoll l-implikazzjonijiet tiegħu għaċ-ċiklisti.

Filwaqt li l-grupp irrikonoxxa l-isforzi mressqa minn Infrastructure Malta biex ittejjeb il-proġett sa mill-bidu tiegħu, Rota indikat nuqqasijiet sostanzjali li jistgħu jxekklu l-ħolqien ta’ ambjent sigur għal min jagħmel użu mir-rota.

Tħassib ewlieni hu n-nuqqas ta’ rotot diretti għaċ-ċikliżmu bejn Pieta’ u Birkirkara, li joħolqu ostakli għal dawk li jivvjaġġaw ta kuljum. Minkejja t-triq wiesgħa qrib l-iskate park, il-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tal-istudenti ġew injorati u potenzjalment aggravati minn flyover li ġiet proposta għal dan il-proġett.

Dan hekk kif id-disinn tal-proġett huwa wieħed ikkumplikat ħafna għar-roti fejn f’ċertu sitwazzjonijiet iċ-ċiklisti saħansitra jispiċċaw isuqu kontra d-direzzjoni tat-traffiku.

Fl-istqarrija intqal ukoll li huwa ta’ tħassib kbir li flyover se tnaqqas it-tniġġis tal-arja u l-istorbju fiċ-ċentru tal-lokalitajiet.

Hawnhekk, Rota saħqet li l-aktar mod effettiv sabiex jitnaqqas it-tniġġis huwa permezz ta’ devjazzjoni għat-traffiku ‘il bogħod miċ-ċentri urbani u mhux li jiġi introdott aktar traffiku permezz tal-flyovers.

Minħabba li l-ispiża tal-proġett hija stmata għal 18-il miljun ewro, huwa imperattiv li jkun iddisinjat b’mod maħsub biex jilqa’ għal kull min juża t-triq. L-organizzazzjoni hija favur li tingħata prijorità lis-sikurezza taċ-ċiklisti billi ssostni li s-suċċess ta’ netwerk tar-roti ta’ 35 miljun ewro jiddependi fuq l-indirizzar tad-dgħjufijiet. Rota appellat għal azzjoni fil-pront u kollaborazzjoni ma’ entitajiet ta’ promozzjoni taċ-ċikliżmu biex jiġi żgurat li l-proġett ikun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi.