Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident ma’ karozza fil-Mosta

Irlandiż ta’ 41 sena residenti l-Mosta weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident ma’ karozza fil-Mosta stess.

L-inċident seħħ is-Sibt filgħodu għall-ħabta tat-8:00 fi Triq id-Difiża Ċivili.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li anzjan ta’ 68 sena residenti San Pawl il-Baħar tilef il-kontroll tal-karozza li kien qiegħed isuq bil-konsegwenza li laqat il-barrikati tas-siment.

Kaġun tad-daqqa, il-karozza marret fil-karreġġjata opposta bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’mutur misjuq mill-vittma.

Tim mediku mar fuq il-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.