Stewart Said
NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 12
SLIEMA FRANK SALT………….. 13
(3-3), (1-6), (4-3), (4-1)
Sliema Frank Salt fil-finali tan-knock-out iżda mhux wara li kienu għoddhom tilfu dak li bnew tul il-logħba. Is-Slimiżi kellhom vantaġġ ta’ 12-5 f’nofs it-tielet sessjoni, tilfuh parzjalment u spiċċaw rebħu b’vantaġġ ta’ gowl.
Neptunes pattew għat-tieni sessjoni diżastruża u għalkemm wettqu rimonta inkredibbli, ma rnexxielhomx isibu l-gowl importanti. Jista’ jkun li l-fatt li lagħbu l-Ġimgħa, seta’ kien ftit detrimentali għalihom.
Sliema kellhom l-aqwa bidu b’żewġ gowls ta’ Benji Cachia minn man-up u Andrija Prlainovic. Reazzjoni minn Neptunes li f’ħakka ta’ għajn irkupraw permezz ta’ Jake Muscat u Filip Filipovic. Cachia ħalla lil Sliema minn fuq iżda Filipovic wieġeb għal Neptunes.
It-tieni sessjoni kienet sessjoni għalkollox differenti. Sliema ħasdu lil Neptunes u ħadu r-riedni f’idejhom. B’mod pjuttost insolitu, Sliema skorjaw sitt gowls konsekuttivi u ħadu vantaġġ ta’ 9-3. Nicky Grixti saħansitra salva penalty ta’ Aleksandar Ivovic, għalkemm ma seta’ jagħmel xejn fuq il-penalty ta’ Filipovic ftit wara.
Stevie Camilleri naqqas id-differenza għal erba’ gowls fit-tielet sessjoni madankollu Sliema kabbru l-vantaġġ għal 12-5 bi tliet gowls oħra minn Jerome Gabarretta, Jayden Cutajar u Dmitrii Kholod minn penalty.
Sliema donnu għamluha fatta u Neptunes bdew ġejjin ftit ftit. Filipovic, Ivovic u Jordan Camilleri qatgħu d-distakk għal erba’ gowls sa tmiem it-tielet sessjoni. Sliema ma kellhomx risposta għal dawn il-gowls u fl-aħħar sessjoni Neptunes komplew ġejjin.
Ivovic u Sam Gialanz daħħlu lil Neptunes lura fil-logħba. Il-pressjoni issa bdiet tiżdied fuq Sliema u permezz ta’ Filipovic u Ivovic, Neptunes ġabu d-draw bi ftit aktar minn żewġ minuti għat-tmiem. Iżda kellu jkun penalty ta’ Dmitrii Kholod minuta u 54 sekonda mit-tmiem li ddeċieda l-konfront. Neptunes pruvaw l-aħħar sforzi u anki laqtu l-lasta, bit-tisfira finali tagħti nifs twil lis-Slimiżi.
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), S. Gialanze (1), G. Pace, M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (1), J. Camilleri (1), A. Ivovic (3), F. Filipovic (5), A. Fenech, E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja, A. Fava
Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea, J. Gambin, Z. Mizzi, B. Cachia (3), J. Cutajar (2), M. Mifsud, J. Brownrigg, D. Kholod (4), A. Prlainovic (1), D. Zammit (1), A. Bugeja, E. Schembri, S. Engerer
Referees: Stefano Pinato, Peter Balzan
Il-Ġiljaniżi jagħmlu ċert lejn it-tmiem
VALLETTA IZIBET………………….. 15
SAN ĠILJAN JP PROJECTS………. 21
(4-3), (3-6), (4-5), (4-7)
San Ġiljan JP Projects huma l-avversarji ta’ Sliema fil-finali tan-knock-out tal-Kampjonat Premier. Huma tħabtu aktar milli mistenni kontra Valletta Izibet li kellhom l-aqwa prestazzjoni tal-istaġun.
Għalkemm il-kowċ ta’ San Ġiljan Zeljko Kovacic kien qed jagħmel rotazzjoni f’mumenti waqt il-logħba, wieħed ma jridx inaqqas mill-mertu tat-tim immexxi minn Joe Cremona li kien fil-logħba l-ħin kollu. Spikka s-solitu Ivan Nagaev iżda b’mod partikolari spikka wkoll il-gowlkiper Benji Busuttil li salva diversi xuttijiet indirizzati fil-lasta.
Valletta ħasdu lil San Ġiljan u marru 4-0 minn fuq b’doppjetta ta’ Ivan Nagaev u gowls ta’ Sebastian Busuttil u Jayden Cassar. San Ġiljan stenbħu u rkupraw tliet gowls sa tmiem l-ewwel sessjoni.
Il-Ġiljaniżi skorjaw tlieta oħra fit-tieni sessjoni u f’mument minnhom kellhom vantaġġ ta’ 8-5. Valletta wieġbu permezz ta’ Nagaev u Andrija Vlahovic sakemm Maro Jokovic għamilhom 9-7 għal San Ġiljan lejn tmiem is-sessjoni.
Bi tliet gowls Ġiljaniżi fit-tielet sessjoni, id-distakk kiber għal 12-7. Iżda minkejja dan id-distakk, Valletta komplew jilagħbu u baqgħu fil-logħba, tant li naqqsu d-differenza għal tliet gowls biss, b’Nagaev ikompli jispikka bi tripletta.
Il-Beltin naqqsu d-distakk għal żewġ gowls tliet darbiet fl-aħħar sessjoni iżda San Ġiljan dejjem wieġbu mill-ewwel u żammew id-distakk ta’ tliet gowls. Kien il-gowl tal-captain Matthew Zammit li witta t-triq għar-rebħa Ġiljaniża f’nofs is-sessjoni.
Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines, D. Rizzo (1), J. Cassar (2), S. Busuttil (1), A. Vlahovic (2), D. Paolella, I. Nagaev (7), S. Micallef, A. Agius (1), K. Borg (1), K. Cremona, A. Theuma, M. Demarco, J. Chircop
San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (2), A. Galea (1), B. Plumpton (1), M. Jokovic (4), M. Zammit (3), J. Bonavia (3), A. Younger (2), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit (2), R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, N. Bonavia
Referees: Attilio Paoletti, Massimo Angileri
//= $special ?>