Futbol Sport

Tasal l-ewwel rebħa ta’ Postecogolou ma’ Tottenham… Rebħiet għal Liverpool, Brighton u Manchester City

(Ritratt: EPA)

F’Tottenham Hotspur Stadium Tottenham kisbu rebħa importanti meritata ta’ 2-0 fuq Manchester United biex taw l-ewwel rebħa lill-kowċ Ange Postecogolou. Spurs marru fil-vantaġġ erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien Pape Matar Sarr li mill-viċin xeħet fis-saqaf tax-xibka għal 1-0. Tottenham laqtu l-lasta darbtejn permezz ta’ Pedro Porro u d-devjazzjoni ta’ Luke Shaw, b’Manchester United imorru viċin permezz ta’ Anotny. Tottenham aċċertaw mir-rebħa fit-83 minuta meta Ivan Perisic sab lil Ben Davies li xeħet fix-xibka wara l-ballun kien devjat ma’ Lisandro Martinez.

F’Anfield Liverpool dawwru l-partita wara li marru gowl minn taħt biex għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 3-1. Kienu Bournemouth li fetħu l-iskor mat-3 minuti logħob meta Trent Alexander-Arnold tilef il-ballun, b’Antoine Semenyo jitfa’ fir-rokna t’isfel għal 1-0. Liverpool irreaġixxew u kisbu d-draw fis-27 minuta permezz ta’ Luis Diaz, qabel fis-36 minuta kien Mohammed Salah, li wara li ra l-penalty tiegħu salvat, mit-tieni tentattiv xeħet fix-xibka għal 2-1. Fit-58 minuta tkeċċa għal Liverpool Alexis MacAllister fl-ewwel partita tiegħu ma’ Liverpool f’Anfield. Minkejja dan ħames minuti wara Liverpool prattikament għalqu l-partita b’gowl ta’ Diogo Jota.

Brighton kisbu t-tieni rebħa minn daqs tant partiti meta barra minn darhom għelbu lil Wolves 4-1. Kaoru Mitoma poġġa lil Brighton fil-vantaġġ wara kwarta logħob b’gowl mill-isbaħ. Pervis Estupinan ġab l-iskor indaqs biex doppjetta ta’ Solly March aċċertat minn rebħa għal Brighton. Wolves naqsu l-iskor tard fil-partita permezz ta’ Hawng Hee-chan.

Manchester City komplew bil-bidu pożittiv tagħhom b’rebħa ta’ 1-0 fuq Newcastle bil-gowl uniku jasal fil-31 minuta meta Phil Foden għadda lejn Julian Alavarez li xeħet wara Pope għal 1-0.

Ilum: Fulham v Brentford 0-3, Liverpool v B’mouth 3-1, Luton v Burnley posp., Wolves v Brighton 1-4, Tottenham v Man Utd. 2-0, Man City v Newcastle 1-0
Għada: Aston Villa v Everton 3.00pm, West Ham v Chelsea 5.30pm
It-Tnejn:C. Palace v Arsenal 9.00pm