Sport Sport Ieħor

Tennis: Venus Williams lesta għall-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Id-darbtejn champion Venus Williams hija lesta li tikkompeti għall-24 darba fil-karriera fl-Open tal-Istati Uniti f’rekord ta’ parteċipazzjoni wara li ngħatat wild card.

Williams, li għandha 43 sena, illum numru 533 fid-dinja, għamlet id-debutt tagħha fil-kompetizzjoni ewlenija fi Flushing Meadows fl-1997, u kompliet bir-rebħ tat-titli tal-2000 u tal-2001. Id-darbtejn finalista Caroline Wozniacki ta’ 33 sena, wara li wkoll ingħatat wild card, se tirritorna wara li kienet irtirat fl-2020.

Hija se tilgħab fit-tielet tournament tagħha minn meta rritornat fil-WTA Tour aktar kmieni dan ix-xahar. L-Open tal-Istati Uniti għandu jibda fit-28 ta’ Awwissu. Williams eks numru wieħed fid-dinja, għelbet plejer mill-lista tal-aqwa 20 għall-ewwel darba f’erba’ snin meta għelbet lir-Russa Veronika Kudermetova b’tentattiv li tirbaħ partiti wara xulxin fil-WTA Tour għall-ewwel darba mill-2019.

F’Cincinnati, in-numru tlieta fid-dinja Amerikana Jessica Pegula waslet mal-aħħar 16 b’rebħa ta’ 6-7 ; 6-2 6-3 fuq Martina Trevisan tal-Italja. Iċ-champion ta’ Wimbledon Marketa Vondrousova tar-Repubblika Ċeka rebħet 6-4 6-2 kontra r-Russa Anastasia Popatova, filwaqt li seed numru 14 ir-Russa Daria Kasatkina għelbet lil Varvara Gracheva ta’ Franza.