Futbol Sport

Imut Carlo Mazzone, eks kowċ ta’ diversi timijiet fl-Italja

Tħabbret il-mewt tal-eks kowċ Taljan, Carlo Mazzone fl-etá ta’ 86 sena. Sal-lum Mazzone hu l-kowċ b’rekord ta’ partiti fis-Serie A Taljana, b’797 partita ma’ diversi klabbs fosthom Fiorentina, Roma, Cagliari, Bologna u Brescia.

Mazzone kien magħruf għall-personalitá unika tiegħu, u li qatt ma kien iżomm xejn fuq l-istonku.

Ħafna jibqgħu jiftakru lil Mazzone meta fl-2001, hu kien kowċ ta’ Brescia fis-Serie A, u fid-derby kontra Atalanta, it-tim tiegħu, kompost minn plejers bħal Roberto Baggio u Pep Guardiola kienu dawwru telfa ta’ 3-0 fi dro ta’ 3-3. Dak in-nhar, Mazzone kien fil-mira tal-partitarji ta’ Atalanta tul id-90 minuta, u fit-tmiem tal-partita, hu kien ġera t-tul tal-grawnd kollu biex jieħu s-sodisfazzjon tal-partitarji opposti.

Mazzone miet ftit qabel l-ewwel partiti mill-istaġun il-ġdid tas-Serie A.

Fost il-personalitajiet li tkellmu fuqu, il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola qal li ż-żmien li Mazzone kien kowċ tiegħu meta hu kien plejer ta’ Brescia ma jista’ jinsieħ qatt. Huwa qal li Mazzone kien isu missieru u li l-futbol tilef leġġenda.