Kelliema għall-Gvern tar-Russja qalu li drone li kien sparat mill-Ukrajna spiċċa jolqot settur ta’ istazzjon tal-ferrovija fir-reġjun ta’ Kursk u fejn indarbu talanqas ħames persuni.
L-investigazzjoni fl-inħawi kienet qed tkompli fl-aħħar sigħat u ma kienx eskluż li ċ-ċifra tal-midruba setgħet titla.
L-attakki bid-drones lejn Moska u bliet oħrajn fir-Russja qed isiru dejjem aktar komuni bħala dimensjoni tal-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna għal kważi sena u nofs.
Sadanittant, il-Gvern Ukren – l-istess bħalma għamel f’sitwazzjonijiet simili preċedenti – ma assumiex responsabbiltà għad-drone li laqat l-istazzjon tal-ferrovija inkwistjoni.
Dan fost rapporti li drone ieħor niżel fir-reġjun ta’ Rostov – viċin il-fruntiera mal-Ukrajna – u fejn ma ħalla l-ebda midruba.
Il-kelliema Russi qalu wkoll li d-difiżi tagħhom irnexxielhom iwaqqgħu drone li kien qed javviċina l-qalba ta’ Moska u li ġġarraf f’zona fejn mhemmx residenzi.
Sadanittant, l-azzjonijiet bid-drones kontra r-Russja –li ilhom ix-xhur — jidhru li se jkomplu għaddejjin matul il-ġranet li ġejjin u bħala tattika intiża biex taffettwa lill-moral tal-poplu Russu.
U għalkemm l-Ukreni mhumiex jieħdu responabbiltà, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal biċ-ċar li l-attakki fuq it-territorji tar-Russi huma ‘parti naturali u inevitabbli ta’ proċess li qed ikun xprunat mill-invażjoni ta’ artu mill-qawwiet tal-Kremlin’.
//= $special ?>