Internazzjonali

Ir-Russja: L-agħar tmiem għall-ewwel missjoni lejn il-qamar fi kważi 50 sena

Il-vettura spazjali Luna-25 iġġarrfet fuq il-wiċċ tal-qamar meta tilfet il-kontroll ftit wara daħlet fl-orbita tal-qamar.

L-iżviluppi intant qed jindikaw tmiem mill-aktar diżastruż għall-ewwel missjoni tar-Russi lejn il-qamar fi kważi 50 sena.

Il-Luna-25 kellha tinżel f’reġjun lejn in-naħa t’isfel tal-qamar iżda nqalgħulha l-problemi qabel din setgħet tibda missjoni għall-esplorazzjoni ta’ zona ( fuq l-qamar) li x-xjenzati jaħsbu li tista’ żżomm kwantità ta’ ilma u elementi prezzjużi.

Kelliema għall-korporazzjoni Russa Roscosmos għall-esplorazzjoni tal-ispazju qalu li kienu tilfu l-kuntatt mal-Luna-25 – magħrufa wkoll bħala ‘lander’ — malli din bdiet tavviċina l-orbita. L-istqarrija kompliet li ‘il-lander inqerdet wara li niżlet f’settur speċifiku tal-qamar’.

Intant, ir-Russja waqqfet kummissjoni speċjali biex tindaga r-raġuni għall-fallimient tal-missjoni.

Dan meta t-telfa tal-Luna-25 qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għal Roscosmos  — il-programm tal-ispazju ċivili tar-Russja li fl-aħħar snin naqqas ħafna mill-importanza f’għajnejn it-Tmexxija tar-Russja.

Is-sitwazzjoni għall-aġenzija Russa saret aktar diffiċli u kumplikata minħabba li l-Istat qed jiddedika aktar fondi lill-militar tal-pajjiż aktar milli għall-missjonijiet għall-esplorazzjoni fl-ispazju.

Dan ifisser ukoll li r-Russja kapaċi tintlaħaq mill-Indja li qed tippersisti bi programm tal-ispazju ambizzjuż u progressiv u li l-inġenju spazjali tagħha bl-isem Chandrayaan 3 mistenni jinżel fis-south pole tal-qamar fi kwistjoni ta’ ġranet.