Żewġ logħbiet mit-tieni ġurnata tal-kampjonat Premier fl-Ingilterra u żewġ rebħiet mill-iktar konvinċenti miksuba minn Aston Villa u West Ham United kontra Everton u Chelsea rispettivament.
F’Villa Park Aston Villa ġabu fix-xejn lil Everton b’rebħa ta’ 4-0 fejn spikkaw diversi inċertezzi fid-difiża ta’ Everton.
Għal Aston Villa l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li fl-ewwel ħarġa f’St. James Park kienu megħluba 5-1 minn Newcastle.
McGinn fetaħ l-iskor fit-18-il minuta wara azzjoni tajba ta’ Bailey fuq il-lemin u sitt minuti wara Douglas Luiz skorja minn penalty wara ħarġa goffa tal-goalkeeper Pickford.
Fit-tieni taqsima żewġ goals oħra għat-team ta’ Emery, goals ta’ Bailey u Duran li waslu minn żbalji difensivi ta’ Everton.
F’derby ta’ Londra West Ham għelbu lil Chelsea 3-1 fejn it-team ta’ Pochettino għad għandu biss punt wara żewġ logħbiet.
Aguerd skorja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner u Chukwuemeka kiseb id-draw għal Chelsea. Ftit wara Chelsea fallew penalty mogħti minn Fernandez u qabel l-intervall tilfu lil Chukwuemeka li weġġa’.
Fit-tieni taqsima vantaġġ ta’ Antonio fit-53 minuta għall-Hammers.
West Ham ħadu daqqa ta’ ħarta f’nofs it-tieni taqsima meta Aguerd kien muri t-tieni karta safra u ħalla lit-tim tiegħu b’għaxra.
Chelsea ippruvaw isalvaw il-logħba iżda kienu kastigati fil-95 minuta meta Paqueta’ skorja minn penalty.
Riżultati
Aston Villa v Everton 4-0
West Ham v Chelsea 3-1
It-Tnejn:
21:00 C. Palace v Arsenal