Il-Mexxej tal-Labour jibqa’ jinjora l-problemi reali tan-nies
Prim Ministru li qed jindirizza lil-Laburisti biss. Huwa dan is-sentiment li nħass wara li għal darb’oħra Robert Abela, fil-vesti ta’ Prim Ministru li suppost jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit permezz ta’ kollegament telefoniku.
Intervista li matulha, Abela nfexx jattakka lill-Partit Nazzjonalista, fejn ironikament sostna li l-Partit Nazzjonalista jgħid mod u jattwa mod ieħor – diskors li ġej mill-Mexxej li s’issa l-legat tiegħu huma l-u-turns tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, tal-Isptarijiet u tal-liġi tal-Abort.
Matul dan il-kollegament telefoniku, Robert Abela b’mod mill-aktar surreali insista dwar l-investiment li qed iwettaq il-Gvern tal-Labour fl-edukazzjoni u l-ambjent, sabiex iċ-ċittadini qed ikunu moqdija aħjar.
Dan minkejja s-sitwazzjoni diżastruża li t-toroq Maltin u Għawdxin jinsabu fiha, bi trabijiet, u skart mitluq ma’ kullimkien …. tant li saħansitra l-armata ġiet mġiegħla tinżel tiġbor iż-żibel f’San Pawl il-Baħar.
Ambjent mitluq anke f’Kemmuna, traffiku f’kull raħal u belt – u ansjetà enormi li l-Gvern tal-Labour qed jogħġbu jinjora – fost id-diżappunt, u r-rabja tal-maġġoranza tal-familji.
Waqt l-istess kollegament, Robert Abela għoġbu jinjora għal kollox l-appelli tal-care workers li qed jappellaw għal kundizzjonijiet aħjar bl-Allied Health Care Workers Union tisħaq li l-ħaddiema jinsabu mweġġa’ għaliex qed jiġu injorati.
Intant il-Mexxej tal-Labour, b’mod surreali sostna li l-Gvern tiegħu huwa l-Gvern taż-żgħir….fl-istess waqt li familji Maltin u Għawdxin mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar, fl-istess waqt li tal-Labour stess qed joħolqu ċentri u impjiegi sabiex iżommu lil tal-qalba kuntenti u fommhom magħluq…u fl-istess waqt, idaħħlu pagatella flus.
Ironikament l-istess Prim Ministru li f’nofs kriżi joħroġ bid-dgħajsa spicca jgħid…li huwa qed imexxi Gvern li jirrappreżenta liż-żgħir.
Numru kbir ta’ persuni qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista stqarrew ma’ Net News li Abela għaddej minn kriżi mingħajr preċedent, bil-Mexxej Laburista qiegħed jitlef il-fiduċja ta’ dawk l-aktar qrib il-Partit.
U għażel għal darb’oħra li jinjora l-appelli interni li qed isirulu anke b’mod pubbliku dwar id-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar, dwar l-Air Malta, dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Clyde Caruana.
Apparti minn hekk, Delegati Laburisti saħqu b’mod kunfidenzjali illi l-Prim Ministru għandu jindirizza ċertu temi fuq ix-Xandir tal-Istat u jissottometti ruħu għal kull domanda ta’ kull ġurnalist minn kull kamra tal-aħbarijiet.
//= $special ?>