Futbol Sport

Serie A: Bidu mpressjonanti minn Juventus

Juventus kellhom bidu mill-aqwa meta bi prestazzjoni mpressjonanti ġabu fix-xejn lil Udinese u rebħu bi tliet goals fl-ewwel taqsima.

Iż-żewġ timijiet ta’ Ruma, Lazio u Roma bdew fuq nota stunata hekk kif Roma kellhom jikkuntentaw bi draw f’darhom kontra Salernitana filwaqt li Lazio sofrew żewġ goals fl-aħħar  u tilfu kontra Lecce.

Fil-logħba l-oħra Atalanta bdew b’rebħa għand Sassuolo b’żewġ goals lejn it-tmiem.

Fi Stadio Friuli Juventus kienu devastanti u kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun, f’logħba mingħajr storja u li kienet magħluqa sal-ewwel 45 minuta.

Kien Chiesa li fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti u fl-20 minuta kien Vlahovic li skorja t-tieni goal minn azzjoni ta’ penalty.

Qabel tmiem it-taqsima l-Franċiż Rabiot skorja t-tielet goal wara kross ta’ Chiesa.

Roma kienu miżmuma f’darhom minn Salernitana fejn l-eroj ta’ Roma kien l-eks Torino Belotti li skorja ż-żewġ goals tat-team immexxi minn Mourinho.

Għal Salernitana doppjetta ta’ Candreva, bit-tieni wieħed ikun goal spettakolari.

Lazio dehru resqin lejn rebħa kontra Lecce meta baqgħu iżommu l-vantaġġ li kien tahom Ciro Immobile fl-ewwel taqsima.

Madankollu Lecce skorjaw darbtejn fil-85 u fis-87 minuta permezz ta’ Almqvist u Di Francesco għal rebħa sorprendenti.

Atalanta skorjaw darbtejn fl-aħħar minuti biex għelbu lil Sassuolo 2-0. L-eks Milan De Ketelaere skorja l-ewwel goal tiegħu fi-Serie A b’daqqa ta’ ras u Zortea għalaq il-logħba bit-tieni goal fil-ħin miżjud.

Riżultati

Roma v Salernitana 2-2

Sassuolo v Atalanta 0-2

Lecce v Lazio 2-1

Udinese v Juventus 0-3

It-Tnejn

18:30 Torino v Cagliari

20:45 Bologna v Milan