Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Tensjoni fost it-tfittxija għall-qattiela tal-Iżraeljani

Il-militar Iżraeljan għaddej bi tfittxija għall-militanti Palestinjani li qatlu żewġ Iżraeljani – missier u iben – waqt sparatura li seħħet fi tmiem il-ġimgħa fix-Xatt tal-Punent.

L-attakk – f’kumpless ta’ car wash  viċin il-villaġġ ta’ Huwara, — jidher li twettaq minn grupp ta’ militanti lokali li fil-passat kien wettaq attakki simili fuq ir-residenti Lhud fl-inħawi.

F’dan il-każ, Palestinjan armat jew grupp ta’ Palestinjani kienu avviċinaw lill-irġiel Iżraeljani u fetħu n-nar fuqhom mill-viċin – bil-movimenti militanti tal-Hamas u l-Ġiħad Iżlamiku it-tnejn joħorġu stqarrijiet rispettivi biex ifaħħru din l-azzjoni.

Sadanittant, l-Armata ta’ Iżrael bdiet minnufih tfittxija intensiva għall-aggressuri fejn waqqfet diversi roadblocks fil-madwar ta’ Huwara li jinsab fl-istess lokalità ta’ triq prinċipali li twassal lejn il-belt ta’ Nablus u li tintuża mill-Palestinjani u daqstant ieħor il-Lhud.

L-istess lokalità, din is-sena, kienet iċ-ċentru għal diversi sparaturi mwettqa mill-militanti Palestinjani li kienu qed jimmiraw għas-suldati u ċivili Iżraeljani. L-inċidenti, sadanittant, kienu wasslu wkoll għal reazzjonijiet vjolenti mir-residenti Lhud tal-inħawi.