Għal aktar minn ħamsin sena, Caritas Malta ħadmet favur il-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp tal-persuna u l-eradikazzjoni tal-faqar u b’hekk ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja ta’ individwi li messet magħhom u l-ġid lejn il-ħidma fis-soċjetà tul dawn is-snin kollha li għaddew.
Imwaqqfa fil-11 ta’ Novembru tal-1968, din is-sena se tkun qiegħda tiċċelebra 55 sena ta’ ħidma kontinwa ma’ dawk l-aktar emarġinati u li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà Maltija. Tul dawn il-55 sena, Caritas evolviet skont il-ħtieġa tas-soċjetà u xammret il-kmiem biex tkun minn ta’ quddiem fejn hemm bżonnijiet umanitarji.
Dan kien il-messaġġ ferm importanti li għaddietli Marica Mizzi, il-persuna fi ħdan Caritas Malta li hi responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi, f’intervista estensiva li għamiltilha fil-jiem li għaddew.
Hi bdiet biex fissret li fil-ħidma tagħha u fil-prinċipji li tħaddan il-Knisja f’Malta, taħdem bi sħiħ favur l-eradikazzjoni tal-faqar. Ħidma li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 55 sena ma’ dik il-faxxa fis-soċjetà li għalkemm taħdem u tistinka, xorta id-dħul tagħha ma jkunx biżżejjed biex tlaħħaq mal-għixien ta’ kuljum.
Dan l-għarfien tiksbu minn studju li jsir minn żmien għal żmien fejn jagħti stampa ċara tad-dħul li għandha bżonn persuna biex tgħix il-ħajja tagħha diċenti; huwa studju msejjaħ ‘A minimum essential budget for a decent living’, fejn permezz ta’ dan l-istudju Caritas Malta titkellem mal-awtoritajiet u twassal dawn il-messaġġi li l-mekkaniżmu tal-COLA jrid jitħaddem aħjar b’mod li jibda jaffettwa u jeleva lill-persuni li jinsabu fil-faqar.
Fi proġett bejn il-Gvern, il-Knisja u l-privat permezz ta’ The Alfred Mizzi Foundation, Caritas ilha għal iktar minn sitt snin tmexxi l-Fondazzjoni Dar il-Hena u permezz ta’ Dar Papa Franġisku (għall-irġiel), ir-Reach u Dar Maria Dolores (għan-nisa) tilqa’ fi ħdanha persuni li saħansitra anki qegħdin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. F’din il-ħidma, Caritas ma tħarisx lejn il-kulur u n-nazzjon li ġej minnu persuna, imma tħares f’għajnejn it-tbatija li għaddej minnu l-individwu u tagħti dik l-id biex tgħinu jqum fuq saqajh.
Marica Mizzi kompliet li parti kbira mill-ħidma ta’ Caritas hi ma’ persuni li nħakmu mid-droga u saru dipendenti minn sustanzi illeċti li jkissru d-dinjitià tal-persuna. Caritas Malta hi l-pijuniera f’din il-ħidma fil-qasam ta’ ċentri terapewtiċi residenzjali. Fis-sebgħinijiet Monsinjur Victor Grech kien jitkellem fil-miftuħ li din is-soċjetà għad jasal żmien li se tkun mifqugħha bid-droga u n-numru ta’ persuni li se jkunu maħkuma se jkun kbir sew.
Fl-1989 beda l-ewwel servizz ma’ persuni li kienu dipendenti fuq sustanzi u minn dak iż-żmien, illum Caritas Malta għandha 6 ċentri terapewtiċi residenzjali; fost dawn it-tmexxija ta’ Ċentru tal-Ibwar li huwa residenza għall-adolexxenti u wkoll Ċentru (Prison Inmates Programme) li jilqa’ fih priġunieri li qegħdin jiskontaw sentenza relatata mal-abbuż tad-droga u ’l bogħod miċ-ċella li qiegħed jiskonta s-sentenza tiegħu, jiġi f’Ċentru terapewtiku f’Baħar iċ-Ċagħaq fejn jgħix bid-dinjità kollha li jixraqlu.
Hi qalet li f’din il-ħidma bla waqfien; Caritas flimkien ma’ għaqdiet oħra fil-ġlieda kontra l-abbuż ta’ sustanzi, kellha tħabbat wiċċha ma’ Liġi li tapprova l-użu rikreazzjonali tal-kannabis. Flimkien ma’ ’l fuq minn ħamsin għaqda li tkellmu li din il-Liġi se sservi ta’ iktar ħsara milli ġid, Caritas Malta kompliet tgħid li bi dħul ta’ din il-Liġi l-użu tal-kannabis se jiġi normalizzat bħalma ġie normalizzat l-użu tat-tabakk u wkoll l-użu tal-alkoħol. Is-sena li għaddiet Caritas Malta irreġistrat inqas persuni li ressqu għall-għajnuna bi problema tal-użu tal-kannabis u dan ikompli jafferma li s-sustanza qegħda tiġi normalizzata.
Caritas Malta tibqa’ għaddejja fil-ħidma tagħha tal-prevenzjoni fl-iskejjel għalkemm illum bis-seħħ ta’ din il-Liġi, it-tfal joffru sfidi ġodda kif ukoll qegħdin jaffrontaw diversi sfidi dawk il-familji fejn persuni jħossu li għandhom id-dritt li tagħtihom din il-Liġi li jikkultivaw xtieli tal-kannabis fid-dar.
Dan ukoll qiegħed iġib iktar pressjoni fuq il-Ġustizzja fejn illum f’ħafna postijiet pubbliċi bħalma huma x-xtajtiet tagħna, qiegħed isir tipjip liberu anki quddiem it-tfal ta’ din is-sustanza tal-kannabis meta dan il-Liġi ma tippermettihx, imma fl-istess waqt mhux qegħdin jittieħdu passi kontra min qiegħed jabbuża b’dan il-mod.
Marica Mizzi spjegat li Caritas Malta qegħda tieħu approċċ ħolistiku lejn l-isport u titkellem u tħeġġeġ dwar in-natural high li tagħti din id-dixxiplina billi tippromwovi anki fiċ-ċentri terapewtiċi tagħha is-sabiħ tal-isport. Numru sabiħ ta’ residenti, b’mod regolari jagħmlu attività sportiva fosthom il-ġiri.
Klijent partikolari jgħid “Wara li bdejt nipparteċipa fi tlielaq u maratoni, illum sibt lili nnifsi f’xi ħaġa ferm pożittiva, ’il bogħod mis-sustanzi imma b’dixxiplina li tagħti enerġija sabiħa, adrenalina li tħoss sodisfazzjon kbir ta’ dak li int qiegħed tikseb u nifhem kemm kienet ħarba l-għażla tiegħi għad-droga.”
Illum Caritas Malta għandha t-team tal-futbol tagħha kif ukoll team ta’ persuni li jipparteċipaw f’obstacle races; u b’hekk b’dawn il-forom ta’ dixxiplina sportiva mhux qegħda tkun meqjusa biss bħala eżerċizzju fiżiku imma vjaġġ ta’ trasformazzjoni u empowerment. Dawk li nqabdu fil-ħakma tad-droga u spiċċaw dipendenti, illum japprezzaw mezzi oħra kif tagħti sfog lilek innifsek.
Permezz tal-isport persuna qegħda tikseb ukoll metodu ta’ komunikazzjoni u wkoll is-sabiħ li kapaċi taħdem f’team. Il-ħafna stejjer li jaqsmu r-residenti jkomplu jsaħħu dak li temmen bih Caritas Malta fil-ħidma favur l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.
Minbarra l-ħidma ma’ persuni li jabbużaw mis-sustanzi, Caritas Malta sservi minn Ċentru fil-Komunità li jinsab fil-Ħamrun fejn permezz ta’ servizzi psiko-soċjali nilħqu lil dawk li għaddejja minn problema ta’ faqar soċjali jew problemi oħra ta’ saħħa mentali u permezz ta’ team ta’ professjonisti; social workers, psikologi, psikoterapisti u counsellors ikunu ta’ refuġju lejn dawk li jersqu b’toqol li ma jifilħux iġorru minħabba xi sitwazzjoni jew oħra. Permezz ta’ gruppi ta’ sapport li jiltaqgħu fi ġranet differenti, wieħed isib l-iskop biex jgħix.
Hi qalet li f’dawn il-55 sena ta’ ħidma u f’anniversarju daqshekk speċjali, Caritas tkompli tħares ’il quddiem lejn l-isfidi kollha li qegħda tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà u b’hekk inkomplu nsaħħu l-missjoni tagħna favur ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sħiħ tal-persuna u tkompli b’ħidma sħiħa favur il-fqir biex dan jieħu dak li huwa tiegħu, bid-dinjità kollha li jixraqlu. In-nisġa tal-vjaġġ hi bħal tapezzerija fejn dak li qiegħed jersaq għall-għajnuna għandu t-tama li se jerġa’ jinbena.
F’soċjetà u f’dinja li l-ħin kollu tinbidel, Caritas Malta tibqa’ dejjem iżżomm fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha lill-persuna fil-bżonn u tkompli taħdem favuru u ssegwi l-kliem ta’ Kristu: “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi…”
//= $special ?>