Lokali

Din l-Art Ħelwa tappella għal aktar fondi sabiex tiskrutinja l-proġetti

L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa qed tappella għal aktar fondi sabiex tkun tista’ tiskrutinizza aħjar l-applikazzjonijiet ta’ bini. Bl-għan aħħari jkun li l-ambjent ta’ pajjiżna jiġi salvagwardjat.

Fi stqarrija Din l-Art Ħelwa spjegat li għandha sotto-Kumitat li jevalwa l-applikazzjonijiet għall-proġetti kollha fejn matul is-sena li għaddiet dan l-istess sotto-kumitat kellu oġġezzjoni fuq 1,500 applikazzjoni. L-għaqda sostniet li dan in-numru jikkontribwixxi għal persentaġġ pjuttost kbir wara li matul is-sena li għaddiet kien hemm 9,599 applikazzjoni.

Dan is-sotto kumitat janalizza l-applikazzjonijiet li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern kull ġimgħa fejn imbagħad jiffukaw fuq dawk li jmorru kontra xi regolamenti jew dawk li se jħallu impatt sostanzjali fuq l-ambjent ta’ pajjiżna.

Fl-istqarrija ġie spjegat li ħafna drabi l-Kummissjoni tal-Ippjanar tinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċjali li jkunu responsabbli minn dawn l-applikazzjonijiet. U għalhekk f’xi okkażjonijiet jkollha tieħu azzjoni alternattiva; li tiftaħ appell quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Din l-Art Ħelwa qalet li dan il-proċess huwa wieħed ikkumplikat u li kapaċi jieħu ż-żmien. Apparti minn hekk, wieħed irid jikteb appell dettaljat kif ukoll jipprovdi evidenza ta dak li qed jingħad.

Kull appell jiswa’ bejn €200 u €1,000.

Imbagħad jekk dan ma jkunx ta’ suċċess il-pass li jmiss ikun li jinfetaħ appell fil-Qorti…proċess ieħor twil u kkumplikat.

Fl-istqarrija Din l-Art Ħelwa saħqet li mhux qed ikun hemm biżejjed tibdil fl-istadju tal-applikazzjoni għal proġett għaliex bosta xorta waħda jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom minkejja li hemm ksur ta’ regolamenti. Mandankollu l-għaqda saħqet li l-battalja – għalkemm ġieli ddum is-snin – hija battalja ta’ sodisfazzjon kbir meta r-riżultat ikun favur l-ambjent.

Din l-Art Ħelwa saħqet li ssir kemm issir pressjoni fuqhom huma xorta se jkomplu jopponu l-applikazzjonijiet li jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent ta’ madwarna u l-ispazji fejn ngħixu.