Lokali Saħħa

Donazzjoni ta’ €40,000 minn Europa Donna li se tintuża għal riċerka dwar il-kanċer tas-sider

Ta’ kull sena madwar 350 persuna jirċievu l-aħbar li għandhom kanċer fis-sider. U sfortunatament dan il-kanċer, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jolqot lil  dawk iżgħar fl-età.

Huwa għalhekk li qed tinħass il-ħtieġa li tiżdied ir-riċerka kif ukoll l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider. Tant li għat-tieni sena, l-għaqda mhux governattiva ‘Europa Donna Malta’ se tkun qed tagħti donazzjoni sabiex tkompli tissaħħaħ ir-riċerka fil-kura ta’ dan il-kanċer.

Net News tkellem ma’ Gertrude Abela, President ta’ Europe Donna Malta illi spjegatilna għaliex reġgħu ħassew il-bżonn li jagħtu donazzjoni ta’ 40,000 ewro sabiex tkompli tissaħħaħ ir-riċerka f’dan is-settur.

Nemmnu li biex isir progress fil-mediċini u fil-kura tal-breast cancer hemm bżonn ir-riċerka, fejn f’Malta nagħmlu permezz ta’ RIDT għall-Università ta’ Malta u ħassejna l-bżonn li nissaportjaw din ir-riċerka.

Din il-PHD mifruxa fuq tliet snin se tiffoka fuq proġett li jistudja r-regolamentazzjoni tal-proteina phosphatase fil-Kanċer tas-Sider. Proġett li se jkun ikkordinat mill-Fakultà tal-Mediċini fi ħdan l-Università ta’ Malta taħt is-superviżjoni tal-Professuri Godfrey Grech u Therese Hunter.

Europa Donna Malta toffri għajnuna lill-pazjenti li jkollhom kanċer tas-sider kif ukoll lill-familji tagħhom; għajnuna li tvarja minn appoġġ psikoloġiku għal sostenn finanzjarju. 

“Nagħtu sapport lil dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom li jkollhom bżonn sapport psikoloġiku permezz ta’ professjonisti speċjalizzati. Issa bdejna proġett ġdid li noffru trasport b’xejn miċ-Ċirkewwa jew mill-Belt għal Mater Dei għal dawk il-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn jinżlu għall-chemo jew radiotherapy.”

Apparti dawn is-servizzi, din l-organizzazzjoni toffri wkoll beanies bla ħlas lil dawk in-nisa kollha li ma jkunux iridu jilbsu parrokka waqt li jingħataw it-trattarment tal-chemo.

Bħalma jsir kull sena, Europa Donna torganizza wkoll il-konferenza annwali ‘The Hilda Schembri Memorial Lecture’  li din is-sena se titratta t-tema tal-fertilità u se ssir fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta fil-11 ta’ Ottubru li ġej.