Fl-aħħar sigħat, fuq il-midja soċjali beda’ jdur filmat tal-President tal-FA Spanjola, Luis Rubiales ibus lill-waħda mill-plejers tat-tim nazzjonali Spanjol, Jenni Hermoso fuq xufftejha, hekk kif din kienet telgħet fuq il-palk waqt iċ-ċerimonja uffiċjali ta’ wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa li saret il-bieraħ. Dan il-ġest nissel kritika qawwija minn bosta u kien deskrit bħala “mhux etiku.”
Din il-finali li ntlagħbet fl-Awstralja, kienet mirbuħa għall-ewwel darba fl-istorja minn Spanja wara li għelbu lill-Ingilterra 1-0.
Aktar tard, f’xandira diretta, Hermosa qalet li dak li għamel il-President tal-futbol fi Spanja, “ma għoġbithiex”. Iżda f’kummenti li l-istess plejer reġgħet tat lill-midja, hi ħasset li kellha tiċċara l-pożizzjoni tagħha, u qalet li kienet “ġest naturali ta’ għożża”.
F’kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet fi Franza, AFP, Hermoso żiedet tgħid li “kien ġest reċiproku u totalment spontanju minħabba l-ferħ kbir li jġib miegħu r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. “Jien u l-President għandna relazzjoni kbira, l-imġiba tiegħu magħna lkoll spikkat u kien ġest naturali ta’ għożża u gratitudni hekk kif konna għadna kif sirna champions tad-dinja.”
Iżda fl-isfond ta’ din il-kritika, il-President tal-FA Spanjol, Rubiales iddefenda dak li għamel u rrijfuta jammetti li dan kien att mhux xieraq. “Kienet bewsa bejn żewġt iħbieb li konna qed niċċelebraw ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.”
Rubiales ma waqafx hawn u sejjaħ lil dawk li qed jikkritikaw il-bewsa li ta lil Hermoso bħala “idjoti u nies stupidi”.
Iżda aktar tard matul il-ġurnata, il-Ministru Spanjola għall-Ugwaljanza, Irene Montero kompliet tagħti n-nar għall-kritika li qed issir fil-konfront ta’ Rubiales, meta iddeskriviet din il-bewsa bħala “forma ta ’vjolenza sesswali li aħna n-nisa nsofru ta’ kuljum u sa issa kienet viżibbli .Ma nistgħux naċċettaw xi ħaġa bħal din,” kompliet tgħid il-Ministru Sanjola.
//= $special ?>