Lokali Saħħa

Ikompli jiżdied id-dewmien għas-servizzi tas-saħħa mentali

“Hawn kriżi fis-servizzi tas-saħħa mentali. Aktar u aktar bħalissa meta huwa kruċjali li intervent ta’ saħħa mentali jingħata f’waqtu. Iżda sfortunatament l-istennija għal dawn is-servizzi kulma jmur qed tkompli tiżdied.”

Dan sostnietu l-President tal-Kamra tal-Psikologi Gail Debono f’post fuq il-midja soċjali hekk kif aktar ma’ jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa mentali aktar qed ikun hemm nies li qed ifittxu dawn it-tip ta’ servizzi.

Debono saħqet li l-psikologu – apparti l-psikjatra – huwa l-uniku professjonist tas-saħħa mentali li huwa kwalifikat u legalment responsabbli jagħti servizz tas-saħħa mentali komplut; inkluż l-assessjar tal-pazjent li ma jista’ jagħmlu ebda professjonist ieħor.

Hawnhekk hija qalet li dan huwa impossibbli li jsir meta hawn nuqqas kbir ta’ psikologi.

Il-President tal-Kamra tal-Psikologi qalet li preżentament il-psikologi ġodda jippreferu jaħdmu mal-privat minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ferm aħjar minn dawk tal-Gvern.

Apparti minn hekk, hija spjegat li ħafna minn dawk il-psikologi li jibdew mal-Gvern jew jiddeċiedu li jkomplu jaħmdu fis-settur pubbliku jkollhom jagħmlu xogħol privat ukoll minħabba l-pagi baxxi li qed jingħataw. U allura, dan qed jirriżulta fi psikologi li qed jkunu over-worked.

Fattur ieħor li qed jissemma’ huwa li l-maġġoranza ta’ dawk li jidħlu jaħdmu mal-Gvern jilħqu sa middle management u jitilqu. Dan għaliex l-opportunitajiet għall-psikologi biex javvanzaw fil-karriera huma ftit li xejn.

Għaldaqstant, il-President tal-Kamra tal-Psikologi appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jieħu azzjoni b’mod immedjat u għandu l-opportunità jagħmel dan bil-ftehim settorjali li huwa imminenti.