Internazzjonali

Ingilterra: Infermiera teħel il-ħabs għal għomorha bħala ‘serial killer’ tat-trabi

Infermiera ta’ 33 sena li se tibqa’ imfakkra bħala l-aktar ‘serial killer’ prolifiku tat-tfal fl-istorja moderna tar-Renju Unit kienet ikkundannata għal għomorha l-ħabs…Sentenza li tfisser li Lucy Letby trid bilfors tiskonta l-bqija ta’ ħajjitha f’ċella u meta l-gravità tar-reati huma riflessi fil-fatt li hi saret biss ir-raba’ mara fl-istorja tar-Renju Unit li ngħatat sentenza daqstant ħarxa u li ma tippermetti għall-ebda possibbiltà ta’ parole.

Lucy Letby qatlet xejn anqas minn sebat itrabi waqt li kienet taħdem bħala infermiera fl-isptar ta’ Countess of Chester u waqt il-proċess instama’ kif hi anki pruvat toqtol talanqas sitt trabi oħra.

L-infermiera, waqt ix-‘shifts’ tax-xogħol kienet tinjetta lit-trabi bl-arja, filwaqt li sfurzat trabi oħra biex jieħdu l-ħalib sakemm dawn mietu fgati. Kien hemm ukoll il-każi ta’ żewġt itrabi li spiċċaw ivvelenati bl-inusulina.

Intant, Letby irrifjutat li tkun preżenti fl-awla tal-qorti biex tisma’ l-verdett u l-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, issa konferma li l-Gvern tiegħu qed jippjana biex jibdel il-liġi b’mod li jġiegħel lill-imputati jattendu għall-qari tas-sentenzi fil-qorti.

L-Imħallef li kkundanna lil Lucy Letby qal li ‘ir-reati tagħha kienu parti minn kampanja krudili u premeditata ta’ omiċidju u li fiha  spikka anki element qawwi ta’ ċiniċiżmu’.

Is-sentenzi ta’ għomor ħabs mingħajr possibbiltà ta’ ħelsien huma magħrufa bħala ‘whole-life orders’ fir-Renju Unit — u s-sentenzi rari huma riservati  għall-persuni li jwettqu l-aktar reati terribbli u xokkanti u li jitqiesu bħala ‘fi klassi għalihom’.