Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar mhux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss

Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima waqt intervista ma’ The Malta Independent qal li mhux qed jippjana li jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-kunsill li jmiss. Huwa saħaq li bil-kontra li tgħid il-leġistalura ta’ Malta “illum il-ġurnata l-awtonomija tal-kunsilli lokali m’għadhiex teżisti”. Grima jilmenta li l-kunsilli għandhom nuqqas ta’ indipendenza minħabba in-nuqqas ta’ poter li għandhom li qed iwassal għal aktar burokrazija.

Huwa jitkellem fuq l-iżvilupp eċċessiv li qed isir fil-lokal tiegħu. Fil-fatt San Pawl il-Baħar hija fost il-lokalitajiet li għandha rata għolja ta’ applikazzjonijiet għall-ippjanar. Grima jkompli jgħid li dan il-bini qiegħed iġib miegħu ċifri kbar ta’persuni li joqogħdu ġewwa din il-lokalità.

Intant huwa jsostni li ċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) mhumiex korretti hekk kif hemm tal-inqas 45,000 residenti permanenti. Dan hekk kif iċ-Ċensiment tal-2021 wera li l-popolazzjoni f’din il-lokalita laħqet it-33,000 persuna.

Dawn iċ-ċifri qed jirriżultaw fi problemi tal-iskart, dan miħabba li s-sistema tal-ġbir tal-iskart mhux qed taħdem għal din il-lokalità. Apparti dan hemm ukoll hemm nuqqas ta’ infurzar minħabba n-nuqqas ta’ dixxiplina mir-residenti. Huwa saħaq li l-kunsill lokali m’għandux kontroll fuq il-problema tal-iskart u anke fuq problemi li jaffaċċjaw kuljum.