Lokali

Is-Sindku Laburista tal-Gżira jgħid li n-nuqqas ta’ infurzar fl-iskart qed iwassal għal kriżi kbar

Bosta Sindki jkomplu juru r-rabja tagħhom lejn il-problema kbira tal-iskart li qed jaffaċċjaw diversi loklitajiet minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet. Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché f’ post fuq Facebook kompla jesprimi r-rabja tiegħu lejn in-nuqqas ta’ infurzar fejn jidħol l-iskart.

Huwa jisħaqq li matul it-tmien snin li ilu sindku ma ra l-ebda titjib fis-sistema ħlief dik tal-iskeda u l-ħin tal-ġbir. Huwa jsostni li hemm bżonn azzjoni mmedjata għal din il-problema tant li huwa jissuġġerixxi diversi proposti iżda li waqgħu fuq widnejn torox.

Borg Manché jgħid li l-kunsill għandu jkolli iktar kontroll fuq il-lokalità biex ikollu stampa ċara tal-infurzar li jkun qed iseħħ fil-lokalitajiet. Fil-fatt huwa jagħti importanza lill-infurzar lokali billi uffiċjal tal-ordni li jirrispondu direttament lill-kunsill.

Fost is-suġġerimenti huwa jsemmi li jrid ikun hemm amministratur li jikkontrolla l-komun. Irid ikun hemm ukoll ftehim mill-istess kollettur rigward skart iġġenerat mill-istabbilimenti kummerċjali.

Huwa temm il-post tiegħu billi qal li trid iseħħ azzjoni drastika għax il-problema saret waħda inkontrollabli.