Internazzjonali

L-Ukrajna: Zelensky se jingħata l-fighter-jets li ilu jitlob għal reżistenza effettiva

L-impenn mill-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna qed jidher aktar evidenti bl-għajnuna militari li qed tingħata regolarment lill-qawwiet tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Intant, l-Olanda u d-Danimarka, it-tnejn membri tal-UE, ħabbru li se jagħtu numru ta’ ajruplani tat-tip F-16 lill-Ukrajna u li l-Gvern Ukren irrefera għalihom bħala ‘motivazzjoni importanti għall-qawwiet ta’ pajjiżu biex jirreżisti l-aggressjoni tar-Russja bl-aktar mod effettiv’.

Zelensky kien ilu x-xhur jitlob għall-F-16s biex isaħħaħ il-qawwiet tal-ajru ta’ pajjiżu u issa qed jidher li sa fl-aħħar inqatgħet xewqtu. Fil-fatt, il-Mexxej Ukren, fi tmiem il-ġimgħa, żar l-Olanda u d-Danimarka biex jiffinalizza l-aħħar arranġamenti għat-trasferiment ta’ dawn l-ajruplani.

Il-President Ukren tenna li l-F-16s se jaspiraw fiduċja akbar fost is-suldati u ċivili Ukreni biex ikomplu jisfidaw lill-Armata tal-Kremlin fi żmien partikularment sinifikanti għall-Ewropa kollha.

L-Ukreni qed jittamaw li dawn il-fighter-jets jagħtu spinta lill-kapaċitjaiet militari ta’ Kiev meta l-qawwiet ta’ Zelensky, bħalissa, qed imexxu kontro-offensiva kontra t-truppi Russi li għadhom jokkupaw l-ibliet u diversi territorji fl-Ukrajna.

Il-preżenza tal-F-16s għandha taċċerta li s-suldati Ukreni jkollhom difiża adekwata mill-ajru minbarra li tnaqqas mit-theddida diretta għalihom mill-ajruplani tal-gwerra u l-artillerija tar-Russja.