Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra tad-Diretturi ta’ Leisure Clothing biex tissospendi s-sentenza tal-Appell Kriminali

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet talba oħra magħmulha mid-Diretturi tal-kumpanija Leisure Clothing għall-ħruġ ta’ miżura proviżorja ossia interim measure, sabiex tissospendi l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Appelli Kriminali tas-6 ta’ Jannar 2023.

L-Imħallef Audrey Demicoli kienet qed tiddeċiedi fil-konfront tad-Diretturi Maniġerjali tal-kumpanija proprjetà Ċiniża, Han Bin (ritratt) u d-direttur tal-marketing Jia Liu, li kienu ġew ikkundannati għal sitt snin priġunerija f’Jannar li għadda wara li l-Qorti tal-Appell kienet laqgħet l-appell tal-Istat kontra s-sentenza mhux ta’ kustodja ta’ Han u l-liberazzjoni għal kollox ta’ Jia.

Iż-żewġ uffiċjali tal-kumpanija, kif ukoll il-kumpanija nnifisha, kienu nstabu ħatja mill-appell fuq sfruttament ta’ impjegati Vjetnamiżi u Ċiniżi fil-fabbrika bbażata f’Bulebel, u ġiegħluhom jaħdmu ġranet u ħinijiet twal bi ftit jew xejn waqfien, f’kundizzjonijiet ħżiena.

Fis-sentenza tagħha il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali qalet li qed tqis ukoll li sentenza tista’ titwaqqa’ biss b’sentenza oħra u mhux b’allegazzjoni dwar is-siwi tagħha, u sakemm ma tingħatax sentenza bħal dik, is-sentenza tibqa’ tgħodd.

Għaldaqstant, qalet l-Imħallef Demicoli fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti hi tal-fehma illi ma jeżistux l-estremi rikjesti mil-liġi u ġurisprudenza kostanti sabiex tingħata ordni ad interim u tilqa’ t-talba. Talba oħra miċħuda kienet ġiet deċiża fid-29 ta’ Mejju li għadda mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey li kien irrifjuta talba biex tiġi sospiża sentenza ta’ ħabs mogħtija lid-diretturi ta’ Leisure Clothing, sa l-eżitu tal-kawża Kostituzzjonali li fiha kienu wkoll qed issostnu li nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-Qorti qalet li kieku kien hekk il-każ, ikun hemm il-potenzjalità ta’ leżjoni ta’ drittijiet fondamentali oħra (inkluż id-dritt għal ġustizzja effettiva fis-sens illi l-proċeduri ġudizzjarji ma jiħdux fit-tul) u/jew
dewmien bla bżonn tal-proċeduri. “Ir-rimedju jingħata biss meta ma jkun hemm l-ebda rimedju ordinarju a disposizzjoni tar-rikorrent”.

Fid-deċiżjoni ingħad ukoll li hekk kif tajjeb issottometta l-Avukat tal-Istat, din il-Qorti ma tqisx illi ġie pruvat fuq bażi prima facie illi ġie vjolat il-prinċipju ta’ leżjoni tad-drittijiet fundamentali minn naħa tad-Diretturi kif sanċiti mill-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikolu 39(9) tal-Kostituzzjoni.

Mix-xhieda ta’ Dr Katrine Camilleri, din ikkonfermat illi kienu ħarġu sett ta’ akkużi nhar il-21 t’Awwissu 2014, li bdew il-proċeduri fir-rigward ta’ dawn l-akkużi, f’Settembru 2014, u li sussegwentement l-istess akkużi ġew irtirati sabiex reġgħu nħarġu akkużi ġodda illi kienu jinkludu l-akkużi ta’ traffikar uman.

Il-Qorti qalet li Dr. Camilleri ġiet mistoqsija jekk tiftakarx illi l-Maġistrat Carol Peralta kien irtira mill-Ġudikatura qabel il-ferjat tas-Sajf tas-sena 2014, u dan wara illi x-xhud kienet ikkonfermat bil-ġurament tagħha illi hija tiftakar illi s-seduti kollha saru quddiem l-istess Maġistrat.

Mill-atti tal-proċess numru jirriżulta illi effettivament il-każ ġie assenjat lill-Maġistrat Ian Farrugia f’Diċembru 201515, u li qabel din id-data l-proċeduri baqgħu presjeduti mill-Maġistrat Peralta. Il-Qorti għalhekk hija aktar inklinata illi temmen il-verżjoni tax-xhud dwar dak illi seħħ fil-proċeduri in kwestjoni,

L-istess xhud tikkonferma wkoll bil-ġurament tagħha illi l-kwestjoni dwar claims relatati mad-DIER kienet ġiet solvuta permezz ta’ ftehim milħuq bejn Han Bin u Jia Liu u l-impjegati tagħhom fit-3 t’Awwissu 2017. Han u Jia ressqu każ Kostituzzjonali, u sostnew li nuqqasijiet proċedurali fil-każ kontrihom kienu wasslu għal ksur tad-drittijiet tagħhom għal proċess ġust.

Fost ir-raġunijiet ikkwotati mill-irġiel kien hemm iż-żmien tal-Att ta’ Akkuża, li huma jsostnu li nħareġ tard u li ż-żewġ uffiċjali kienu ġew ikkundannati għal reati mwettqa mill-kumpanija, li kienu wkoll ikkastigati. Flimkien mal-każ Kostituzzjonali, Han, Jia u Leisure Clothing Ltd kienu ressqu talba għal miżura provviżorja li tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija Jannar tal-Qorti tal-Appell Kriminali u konsegwentement teħleshom mill-ħabs sal-konklużjoni tal-proċedimenti Kostituzzjonali.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Ian Spiteri Bailey kien osserva li l-elementi meħtieġa għal talba ta’ suċċess għal miżura provviżorja, jiġifieri l-urġenza u l-prospett ta’ ħsara irreparabbli ma ġewx ippruvati. Il-qrati normalment joħorġu rimedji bħal miżuri interim f’każijiet eċċezzjonali fejn il-persuna li titlobhom tkun qed tiffaċċja riskju imminenti u serju ta’ ħsara irriversibbli.

Filwaqt li kkwota s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali qal li r-responsabbiltà kienet fuq Han u Jia li jipprovaw l-asserzjonijiet tagħhom, anke fil-valur nominali, li l-miżura provviżorja kienet meħtieġa, qal l-imħallef, li sostna li huma ma rnexxilhomx jagħmlu dan. Il-qorti nnutat ukoll li ma tantiċipatx li din kienet kawża twila fil-qorti, peress li l-partijiet kienu diġà qablu dwar kif se jipproċedi l-każ, li kompla juri n-nuqqas ta’ ħtieġa urġenti għall-“miżura drastika u eċċezzjonali” mitluba.

L-Imħallef kien ukoll ċaħad it-talba bl-ispejjeż fil-konfront tal-irġiel. L-Avukati Maurizio Cordina u Miguel De Gabriele irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat f’dawn il-proċeduri. Han Bin u Jia Liu kienu rappreżentati mill-avukati Jose Herrera, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Pio Valletta.

Kien il-ġurnal “Il-Mument” li żvela li l-ħaddiema kien qed jaħdmu f’kundizzjonijiet illegali

Il-ġurnal “il-Mument” kien l-ewwel sors li żvela li ħaddiema tal-fabbrika, l-aktar dawk Vjetnamiżi kienu qed isostnu li kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kienu illegali u inumani Qabel l-2014 il-fabbrika Leisure Clothing kienet il- manifattur ewlieni tat-tessuti f’Malta, fejn kient tħit ħwejjeġ għal ditti tal-moda magħrufa bħal Emporio Armani u Karen Millen.

Il-Proprjetarji tad-ditta Ċiniża kienet taħt il-kumpanija CICET, il-fabbrika kienet għalqet fl-2017 wara li kienu mitkellma tliet Ċini’i li jmexxu l-kumpanija b’żewġ diretturi jitressqu l-Qorti. Il-każ kien ġie għall-attenzjoni f’Ottubru 2014 meta numru ta’ impjegati Vjetnamiżi tal-fabbrika ta’ Bulebel kienu ġew arrestati waqt li kienu qed jippruvaw jitilqu minn Malta b’dokumenti tal-identità Taljani foloz.

Il-ħaddiema kienu qalu lill-pulizija li ma tħallsux il-pagi miftiehma u rrikorrew għall-użu ta’ dokumenti foloz minħabba li l-passaporti tagħhom kienu miżmuma mill-kumpanija u dan biex żgur ma jitilqux minn Malta fejn kien spiċċaw ostaġġi ta’ min iħaddimhom.

Wara segwit investigazzjoni tal-pulizija, li wasslet għal akkużi kontra Han Bin, Jia Liu u l-kumpanija nnifisha. Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, sensiela ta’ impjegati Vjetnamiżi kienu qalu lill-qorti kif kienu qed jirċievu biss bejn €200 u €300 fix-xahar – nofs l-ammont li kienu ġew imwiegħda, u ferm inqas mill-paga minima. Dan meta kienu jaħdmu 12-il siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Huma kienu qalu li kellhom il-passaporti tagħhom ikkonfiskati mill-kumpanija mal-wasla tagħhom f’Malta.