Il-Gwardja tal-Fruntieri tas-Sawdi qed jiġu akkużati b’każ serju ta’ qtil tal-massa. Dan wara li mijiet ta’ immigranti inqatlu tul il-fruntiera tal-Jemen; konferma li waslet minn rapport ġdid li ħareġ mill-Human Rights Watch.
Ir-rapport jgħid li mijiet ta’ nies, ħafna minnhom mill-Etijopja, u li qasmu mill-Jemen biex jaslu fl-Arabja Sawdija, inqatlu b’tiri ta’ armi. Ħafna mill-immigranti li salvaw qalu li ġarrbu diversi feriti wara li ġew sparati bosta tiri fuqom mil-gwardji Sawditi. Dan filwaqt li huma stess raw diversi kadavri tul ir-rotta li kienu għaddejin minnha.
L-Arabja Sawdija minn naħa tagħha ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet ta’ qtil sistematiku u żiedet tgħid illi l-Gvern lokali qed jieħu dawn l-allegazzjonijiet bis-serjetà. Huma ċaħdu bil-qawwa kollha l-allegazzjoni minn naħa tan-Nazzjonijiet Uniti li l-qtil kien sistematiku jew fuq skala kbira.
Skont l-organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Nazzjonijiet Uniti għall-Immigrazzjoni, aktar minn 200,000 persuna fis-sena jidħlu għal dan il-vjaġġ perikoluż sabiex jaqsmu il-baħar tal-Afrika għall-Jemen u mbagħad jivvjaġġaw lejn l-Arabja Sawdija. B’ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jgħidu li bosta immigranti jispiċċaw fil-ħabsijiet jew isofru swat brutali.
//= $special ?>