Lokali Qorti

Mixli li fera lil ħuh wara argument miegħu u ma’ oħtu

Shawn Farrugia ta’ 36 sena mill-Gudja, ġie akkużat li nhar is-Sibt filgħodu kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fuq oħtu u ħuh fejn dan spiċċa wkoll midrub fir-residenza tagħhom. Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċident seħħ bejn id-9am u l-11.30am fil-Gudja stess.

Farrugia wieġeb mhux ħati għall-11-il akkuża miġjubin kontrih. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Audrey Micallef, qalet li li nqala’ argument li fih l-akkużat ħebb għal ħutu. Il-prosekuzzjoni talbet protezzjoni għall-allegati vittmi.

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ħareġ li ħu l-akkużat sofra ġrieħi ħfief waqt l-argument skont kif iċċertifka tabib li kien xogħol fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Huwa ġie mixli wkoll li bl-aġir tiegħu ħareġ il-barra mill-limiti ta’ provokazzjoni.

Il-Qorti tagħat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonjiet fosthom li ma jsifirx, ma jitkellimx mal-vittmi, u jiffirma fl-għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa. F’każ li jikser waħda mill-kundizzjonijiet, il-Qorti qalet li jista’ jiġi mmultat l-ammont ta’ €15,000.