Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna biża ta’ vjolenza fuq il-ġenituri tiegħu

Żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Imqabba wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li nhar is-Sibt li għadda kkaġuna biża li se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ missieru u ommu li għandhom 68 u 65 sena rispettivament.

Andrea Farrugia ġie mixli li fid-19 ta’ Awwissu u qabel bl-aġir tiegħu kkaġuna biża’ fuq il-ġenituri tiegħu Id-difiża mmexxija mill-Avukat Jonathan DeMaria qalet li Farrugia għandu bżonn trattament psikoloġiku, bil-prosekuzzjoni taqbel u tgħid li ftit żmien ilu kien spiċċa rikoverat fl-isptar Monte Carmeli.

Il-Qorti ordnat li l-imputat jingħata l-kura neċessarja possibbilment anke jinżamm fit-taqsima forensika fl-isptar Monte Carmeli u għaldaqstat bagħtet kommunika lid-direttur tal-ħabs biex dan iseħħ. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.