Lokali

Rapport jikkonferma d-daqqa fuq il-pagi u l-jobs f’pajjiżna

Konferma oħra li l-mudell ekonomiku użat minn Joseph Muscat u li baqa’ jħaddem Robert Abela qed ikompli jgħajjef il-kwalità tal-impjiegi f’pajjiżna hekk kif rapport internazzjonali wera kif il-Gvern niżżel lil Malta 12-il post fejn jidħol il-livell tal-pagi.

Dan ġie żvelat fl-Indiċi tal-Kwalità tal-Impjiegi li huwa rapport maħdum mit-trade unions tal-Unjoni Ewropea – rapport li juri kif f’ħafna aspetti, il-kwalità tal-impjiegi f’Malta naqset sew matul dawn l-aħħar snin.

Minn dan l-indiċi jirriżulta li filwaqt li fl-2015 Malta kienet tinsab fis-sitt post fost il-pajjiżi Ewropej għal dik li hi kwalità tal-impjiegi li joffri pajjiżna, fl-2021 il-Gvern niżżel lil Malta fil-ħdax-il post – u allura dan ifisser waqgħa ta’ ħames postijiet.

Meta wieħed iqabbel il-kwalità tal-impjiegi f’Malta bejn l-2015 u l-2021 – fuq perjodu ta’ sitt snin – wieħed isib li Malta marret lura f’erbgħa minn sitt aspetti li ġew ikkalkulati għall-fini ta’ dan l-indiċi.

Dawn huma l-kwalità u l-livell tal-pagi, il-ħinijiet tax-xogħol u l-work life balance; l-iżvilupp tal-ħiliet u l-karrieri kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol.

Meta jikkummenta dwar id-dimensjoni li tkejjel il-ħinijiet tax-xogħol u l-work life balance, ir-rapport tal-ETUI għall-2023 jgħid li kien hemm daqqa kbira fir-Rumanija kif ukoll fil-Greċja hekk kif dawn il-pajjiżi niżlu fil-qiegħ tal-lista – għalkemm id-daqqa ġiet innutata wkoll f’Malta, il-Bulgarija u Ċipru – fejn f’perjodu ta’ sitt snin Malta waqgħet mit-tieni post għall-ħmistax-il post fejn jidħol il-bilanċ bejn ħajja u xogħol.

Waqgħa oħra konsiderevoli kienet dik marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Fl-2015 Malta kienet fit-tielet post sakemm fl-2021 niżlet fid-9 post.

Għal dawk li huma ħiliet u żvilupp tal-karrieri, fl-2015 Malta kienet fl-ewwel post. U fl-2021 niżlet fis-seba’ post.

Minn dan it-tagħrif pubblikat mit-trade unions fl-Unjoni Ewropea, joħroġ ċar kif bil-mudell ekonomiku li qed iħaddem il-Gvern ta’ Abela – minkejja l-ħafna ftaħir ta’ full-employment – il-ħaddiema qed imorru lura kontinwament fl-aktar aspetti kruċjali.