Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit, li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, saħaq ma’ Il-Mument li l-mudell ekonomiku li ppreżenta Robert Abela issa hu bil-provi fallut.
Dan il-mudell ekonomiku li fuqu qiegħed jippersisti Robert Abela wassal ukoll biex illum għandna Malta mitluqa u maħmuġa. “Dan ngħidu b’għafsa kbira ta’ qalb għaliex ħadd ma jieħu gost jara daru mitluqa u maħmuġa… aktar u aktar meta lkoll nafu kemm-il Maltin u l-Għawdxin huma kburin bid-djar tagħhom u jżommuhom xummiema u li jridu wkoll li anki pajjiżna jinżamm fl-aħjar indafa u iġjene possibbli.”
Stanley Zammit beda biex staqsa: “Kemm ilna nisimgħu u naqraw tabelli biex inżommu fejn inkunu nadif? Kemm iddaħħlu ħaddiema b’pagi miżeri mad-diversi entitajiet governattivi biex suppost ikollna pajjiż li jixirqilna? Kemm saru riformi ta’ riformi u ħarġu avviżi legali li baqgħu fuq il-karta għax l-infurzar ma jeżistix?
“Kemm niltaqgħu ma’ kantunieri, irkejjen u bankini sħaħ b’kaxxi, boroż u kontenituri oħra li jġegħluk timxi f’nofs ta’ triq? X’jiswew il-posters sbieħ jekk kull fejn tħares ma tarax ħlief ħmieġ?”
F’din l-intervista mal-gazzetta Il-Mument, id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit enfasizza li l-mudell ekonomiku deskritt mill- Ministru ta’ Finanzi, issa hu fiċ-ċert bħala riċetta falluta. L-istrateġija ekonomika bbażata fuq il-kwantità tan-nies u ppjanar ineżistenti tal-iżvilupp wasslu għal pajjiż li ġie qiesu raħal wieħed bi ftit ħdura rurali u ferm aktar rari rqajja’ ħodor urbani.
Mhux talli f’dawn l-aħħar għaxar snin il-Gvern introduċa policies fl-ippjanar li ġabu aktar konfużjoni u ambigwità milli ċarezza u ċertezza, imma wkoll ma għamel xejn biex jindirizza l-isfidi u l-problemi li ġab b’idejh stess bil-permessi sfrenati ta’ binjiet li jilqgħu fihom għexieren ta’ residenti u b’hekk sploda d-densità.
Fost dawn, il-Gvern ma għamel xejn biex jinforza regoli tas-sanità, inkluż dawk relatati ma’ spazji speċifiċi fejn jitpoġġa l-iskart qabel ma jinġabar.
It-trakkijiet kbar li kontinwament jgħaddu mit-toroq tagħna kif ukoll xogħlijiet ta’ twaqqigħ, tħammil u bini f’siti ta’ kostruzzjoni prattikament f’kull parti ta’ kull belt u raħal, ixerrdu trabijiet u debris ieħor ma’ kullimkien.
Jidher ċar li wħud mill-iżviluppaturi tal-proprjetà ngħataw il-libertà biex ikomplu bil-proġetti tagħhom minkejja d-diversi rapporti ta’ nuqqas ta’ rispett għall-benessri tal-ġirien li jsiru lill-awtoritajiet nieqsa mir-riżorsi umani.
Jidher li dawn iħossuhom liberi jaħsbu li t-trabijiet li jtajru, l-iskart li jxerrdu, it-toroq u bankini mblukkati ġimgħa wara l-oħra, u l-ħsarat li jagħmlu, inkluż fil-bankini, mhumiex problema tagħhom.
Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit żied li n-nuqqas ta’ ppjanar għal xogħlijiet fit-toroq hu parti mill-istess problema endemika li tant tiffrustra lin-nies. Filwaqt li x-xogħol ta’ kostruzzjoni normali suppost jieqaf fix-xhur tas-sajf, tal-anqas f’zoni turistiċi, ix-xogħlijiet fit-toroq ikomplu mingħajr interruzzjoni, u jżidu l-impressjoni ġenerali li Malta hi sit wieħed kbir ta’ kostruzzjoni. It-toroq u s-servizzi li jgħaddu minnhom ukoll għandhom bżonn il-manutenzjoni, imma lanqas li jista’ jsir hu ppjanar u programm serju ta’ meta se jibda u meta se jintemm ix-xogħol.
Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni matul l-aħħar snin fissret ukoll aktar karozzi fit-toroq, u allura aktar tniġġis tal-arja u tal-istorbju għal livelli intollerabbli, qal Stanley Zammit.
Bi kważi 1,700 persuna kull kilometru kwadru, Malta hi l-aktar pajjiż dens fl-Ewropa u wieħed jistenna li l-awtoritajiet idaħħlu fis-seħħ policies u regolamenti stretti dwar l-iġjene pubblika. Kuntrarjament, minkejja id-diskosi u r-reklamar sbieħ, anke is-suppost riforma dwar il-ġbir tal-iskart qed tfalli ta’ kuljum!
In-nuqqas ta’ ndafa fil-postijiet pubbliċi sejjer saħansitra għall-agħar, t-telqa f’pajjiżna hija evidenti kemm għalina kif ukoll għal min iżurna.
Il-Gvern lanqas biss qiegħed jifhem li, waqt li s-€700 miljun f’seba’ snin mhu se jwasslu għal xejn ġdid ħlief manutenzjoni ta’ dak kollu li tħalla jiddeterjora, l-ispejjeż ekonomiċi ta’ ambjent urban degradat huma sinifikanti.
Is-sitwazzjoni ta’ telqa qegħda timpressjona ħafna aktar mir-rettorika sabiħa tal-Gvern. Daqskemm hi ċara din it-telqa daqstant ieħor hi ċara n-nuqqas tar-rieda politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi tipiċi ta’ bliet popolati żżejjed u mhux regolati.
Il-munzelli taż-żibel jippersistu għax min jabbuża jaf li ftit hemm ċans li l-azzjonijiet tagħhom jiġu kkastigati. L-awtodixxiplina naqset b’mod ċar u l-bruda tal-uffiċjali tal-Gvern li saħansitra jitkellmu dwar il-problema ta’ telqa hija inkwetanti.
Stanley Zammit enfasizza li jidher li fallew ukoll il-proġetti pilota fejn il-Gvern Ċentrali daħal biex jgħamel xogħol il-Kunsilli żarmati mir-riżorsi finanzjarji u umani mill-istess Gvern. Tant hu hekk li f’dawn l-aħħar ġranet rajna saħansitra barranin bil-flokkijiet ta’ Clean Malta, anke jekk Malta hija kollox barra Clean!
Hu qal li l-konklużjoni tiegħu f’dan ir-rigward hi waħda ċara ħafna… ċioè li Malta hi ddisprata għal direzzjoni ġdida u friska
Malta hi maħmuġa, mitluqa u mhux iġenika. Malta nieqsa minn manutenzjoni kontinwa u pjanata. Malta m’għadhiex pjaċevoli għall-Maltin. Malta m’għandha l-ebda infurzar tal-liġijiet tagħha stess.
Il-kawża ta’ dan id-diżastru hi l-politika żbaljata tal-Gvern Laburista matul dawn l-aħħar għaxar snin. Il-lista hi bla tmiem. Turiżmu tal-massa, politika ta’ impunità tal-politiċi taħt il-Gvern Laburista, ekonomija bażata fuq bejgħ ta’ passaporti u xogħol importat irħis, Awtorità tal-Ippjanar li ma tippjanax imma ffukata fuq li toħroġ il-permessi, nuqqas ta’ spezzjonijiet ambjentali u infurzar ta’ regoli eżistenti, bordijiet tal-Gvern mifqugħa bil-ħbieb tal-ħbieb u persuni ta’ fiduċja u Gvern xott mill-ideat li jinjora l-popolazzjonijiet lokali tal-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jeżiġi u jwiegħed politika ta’ ppjanar ħolistika, ċara u ġusta li waqt li tħares l-ambjenti tagħna biex dawn iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar tagħna lkoll, tagħti direzzjoni lil min se jkun se jiżviluppa jew jinvesti u li twassal biex ikollna standards ogħla f’pajjiżna u pajjiż nadif.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen u jaf li pajjiżna jista’ jasal għal armonija sħiħa bejn ambjenti ta’ kwalità u żvilupp sostenibli. Dan jista’ jseħħ biss jekk pajjiżna jkollu tmexxija serja li tirsisti għal ħajja aħjar għalina lkoll, temm Stanley Zammit.
//= $special ?>