Lokali

Robert Abela fil-kumpanija ta’ nies influwenti min-negozju u oħrajn miċ-Ċivil fuq il-jott lussuż

Sorsi infurmati li tkellmu magħna strettament bil-kunfidenzjalità, żvelaw magħna li l-Prim Ministru Robert Abela – li bħalissa jinsab fil-Mediterran igawdi l-jott lussuż tiegħu – spiss qiegħed jintlemaħ fil-kumpanija kemm ta’ nies influwenti min-negozju u anki ma’ oħrajn f’karigi oħra li b’xi mod jew ieħor jaqgħu taħt il-kappa taċ-Ċivil jew Awtoritajiet Governattivi.

Is-sorsi infurmati li tkellmu magħna qalulna li bħal donnu Robert Abela ma jiddejjaq assolutament xejn jitrakka jott ma’ jott ma’ persuni fin-negozju li huma interessati li jkomplu jkabbru u jwessgħu l-imperu li għandhom f’pajjiżna.

Wieħed mill-proġetti li bħalissa qiegħed isir ħafna diskors dwaru hu dak ta’ żvilupp ta’ uffiċini minn Transport Malta fl-inħawi ta’ Ta’ Xbiex… proġett li se jkun jirrikjedi investiment qawwi ta’ miljuni kbar ta’ ewro u li se jkun jinkludi wkoll restorant!

Is-sorsi infurmati li tkellmu magħna qalulna li jekk wieħed josserva tajjeb Transport Malta – attwalment immexxija miċ-Chairperson ta’ Yachting Malta Jonathan Borg li ħa post il-Brigadier Jeffrey Curmi bħala Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malt – qegħda żżomm profil mill-aktar diskret u baxx dwar dan l-investiment massiċċ.

Jonathan Borg, li ħa t-tmexxija ta’ Transport Malta mill-1 ta’ Mejju li għadda, sa issa qajla tkellem dwar dan l-investiment qawwi u stramb fl-istess ħin għaliex wieħed għad irid jifhem x’inhu l-iskop li l-istess Transport Malta tinvesti f’restorant kbir… u aktar u aktar lil min se tkun qed tgħaddih biex imexxih!

U hawn jidher li qegħdin jidħlu numru ta’ intriċċi interessanti għaliex għalkemm ċerti kuntatti u konversazzjonijiet qegħdin isiru lil hinn minn xtutna, il-Malti jgħid li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu!

Skont is-sorsi infurmati tagħna jirriżulta li hemm terzi qrib tal-Prim Ministru Robert Abela – u li spiss ħafna jkunu miegħu ’l bogħod minn xtutna – li jridu b’saħħa dan ir-restorant biex ikomplu jkabbru l-imperu diġà impressjonanti li għandhom f’pajjiżna.

Is-sorsi tagħna żiedu jfissrulna li għalihom hu inspjegabbli kif f’dan il-proġett sigriet tal-Awtorità tat-Trasport, hemm ippjanat li jkun żviluppat ukoll restorant kbir li se jifforma parti minn dan l-iżvilupp kontroversjali ta’ 600 metru kwadru.

U protagonista moħbija f’dan ix-xenarju kollu jirriżulta li hi l-Awtorità tal-Ippjanar – immexxija mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u ħabib ta’ Robert Abela… Oliver Magro – li diġà bdiet toħroġ il-permessi meħtieġa irrispettivament mill-fatt li dwar dan l-iżvilupp massiċċ mhux biss hemm ħafna oġġezzjonijiet u mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba, iżda saħansitra anki petizzjoni.

Skont is-sorsi infurmati tagħna – li għandhom l-interessi tagħhom ukoll f’din iz-zona – l-operaturi li finalment se jkunu qed imexxu dan ir-restorant diġà huma identifikati u jidher li dawn huma ħbieb sew ta’ Robert Abela u jridu b’saħħa dan l-investiment minħabba mhux biss il-lokazzjoni tiegħu f’Ta’ Xbiex mal-baħar, iżda wkoll għaliex iz-zona hi garanzija għas-suċċess minħabba li hi popolari ħafna man-nies.

Fil-fatt skont il-pjani mfassla, dan hu proġett li lil hinn mill-uffiċċji għal Transport Malta, se jkun jinkludi mhux biss ir-restorant kbir fuq ġewwa u fuq barra kif diġà spjegajna aktar ’il fuq, imma wkoll bars u diversi faċilitajiet oħra.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li dawk li għalihom hu destinat dan il-proġett huma rinomati li huma ħbieb kbar ukoll mal-Eks Deputat Laburista Chris Cardona li kien safa mkeċċi kemm mill-Partit Laburista u anki mill-Kabinett tal-Ministri.

Dan kollu f’Ġunju tal-2020 meta l-Eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien intalab jirriżenja wara li ismu baqa’ jissemma fil-proċeduri fil-Qorti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu Chris Cardona kien u għadu jgħid li qiegħed isir frame-up fuqu.

Ta’ min ifakkar li Chris Cardona kemm-il darba kien mitkellem mill-Pulizija, fosthom f’Novembru tal-2019 meta kien issejjaħ għal interrogazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Fost l-oħrajn dakinhar – għax bħal donnu li llum raqad u miet kollox – l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu ffukati wkoll dwar il-preżenza ta’ Chris Cardona fil-każ tal-Burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost hu u oħrajn kienu fuq xogħol tal-Gvern.

Ta’ min ifakkar ukoll li anki Yorgen Fenech, in-negozjant u s-sid tal-kumpanija ‘17 Black’ kien semma’ f’diversi okkażjonijiet lil Chris Cardona b’rabta ma’ numru ta’ ċirkostanzi.

Issa kollox jindika li Robert Abela u Chris Cardona sabu ħbieb komuni bejniethom; ħbieb influwenti ħafna; ħbieb b’saħħithom ħafna!