Ekonomija Lokali

Robert Abela għandu jieħu miżuri biex itaffi l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja mingħajr dewmien żejjed.

Dan intqal fi stqarrija tal-PN, maħruħa mid-deputati Jerome Caruana Cilia u Albert Buttigieg.

Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jisħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin ferm aktar lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja. L-aħħar statistika terġa’ turi li Malta għandha rata ta’ għoli tal-ħajja ogħla miz-Zona Ewro. Agħar minn hekk, daqqa akbar għax l-akbar rata tinsab fuq l-aktar prodotti essenzjali bħall-ikel. Din hi pjaga li kuljum qed tgħaffeġ lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħmel biżżejjed biex jegħleb l-impatt tal-għoli tal-ħajja fuq il-poplu, b’mod partikolari l-familji u l-anzjani, li qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jnaqqas l-infiq żejjed u bla bżonn li qed ikompli joħloq piżijiet ġodda fuq il-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-viżjoni tiegħu biex dawn l-isfidi li qed iġġib l-għoli tal-ħajja jkunu mtaffin. Fosthom li:

– jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna;

– l-COLA ma jkunx taxxabbli;

– l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja;

– jinħoloq Fond Nazzjonali b’budget annwali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.