Lokali

ATTENTI: Se terġa’ tiżdied is-sħana fuq il-gżejjer Maltin

Minn jum pjuttost imxarrab għal jiem ta’ sħana tremenda.

Huwa dan li se naraw fi tmiem il-ġimgħa hekk kif it-temperaturi mistennija li jiżdiedu xi ftit jew wisq, bl-għola temperatura f’pajjiżna se tkun qed tinħass 37°C.

Fil-fatt, l-għola temperatura se tkun is-Sibt u l-Ħadd hekk kif mistennija li tkun 34°C filwaqt li fl-istess ġranet it-temperatura se tkun qed tinżel għal 25°C sa filgħaxija.

Bħal dejjem, wieħed qed ikun imħeġġeġ biex jevita illi joqgħodu espost fis-sigħat li fihom ix-xemx tkun fl-eqqel tagħha. Dan apparti li għandhom jintużaw dejjem kremi protettivi; anke għal dawk il-ħaddiema li f’dawn il-jiem ikunu qed jaħdmu fuq barra.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-aħħar li pajjiżna ra żieda fit-temperaturi, ftit ġimgħat ilu, il-pajjiż kollu spiċċa f’dalma waħda hekk kif diversi familji kellhom iqattgħu lejl wara l-ieħor mingħajr provvista tal-elettriku… li tfisser ukoll lejl imqajjmin jipprovaw jissaportu s-sħana tremenda bla aċċess għal użu ta’ AC jew imqar fan.

Intant, apparti f’Malta, pajjiżi oħra fl-Ewropa wkoll mistennija li jesperjenzaw mewġa ta’ sħana. Fost dawn hemm l-Italja li se tara temperaturi li jlaħqu t-42°C, Franza b’40°C u l-Isvizzera li se tara temperaturi ta’ 37°C.

Din se tkun it-tieni mewġa ta’ sħana li l-Ewropa se tkun qed tara matul dan is-sajf. Mewġa ta’ sħana li ħalliet diversi persuni mejta kaġun tas-sħana kbira li għamlet. F’Malta biss rajna iktar minn 20 persuna li tilfu ħajjithom kaġun ta’ dan.