Lokali

“Bżonn ta’ investigazzjoni dwar l-abbużi tal-Labour fl-elezzjonijiet ġenerali” – PN

L-akkuża li l-Partit Laburista wettaq abbużi fl-elezzjonijiet ġenerali għandha tiġi investigata immedjatament.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa fejn tkompli tgħid li l-aħbar li persuna li kienet fil-qalba tal-Partit Laburista lesta toffri informazzjoni dwar persuni li vvutaw meta mhux suppost fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali li saru f’pajjiżna hi konferma li l-Partit Laburista wettaq abbużi fl-elezzjonijiet ġenerali li għaddew.

Il-Partit Nazzjonalista qal li llum għandna konferma li l-Partit Laburista għamel u lest jibqa’ jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-poter minn idejn il-poplu Malti u Għawdxi billi saħansitra jinqeda bl-identità ta’ persuni mejta. Din is-sitwazzjoni hi r-riżultat ta’ kultura ta’ korruzzjoni, abbużi u impunità li ħolqu u sostnew Robert Abela u Joseph Muscat u li qed tkompli tkisser lid-demokrazija f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Kummissjoni Elettorali tiltaqa’ b’mod urġenti u tibda immedjatament investigazzjoni dwar dak li qed ikun allegat minn persuna li kienet fil-qalba tal-Partit Laburista. Bl-istess mod, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għandu jqum mir-raqda u jiżgura li l-Korp tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif f’Diċembru 2016 u f’Marzu 2018 ippreżenta żewġ protesti ġudizzjarji kontra l-Kummissjoni Elettorali, l-Aġenzija Identità Malta u l-Ministru Owen Bonnici minħabba li l-Aġenzija Identità Malta qed tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni Elettorali biex din tkun tista’ tivverifika l-identità tal-persuni li għandhom id-dritt tal-vot.