“Għandek tiġi lejn Malta fl-2023? It-tweġiba tiegħi tkun le”
Hu b’dan il-mod li turisti u barranin qed jirriklamaw lil Malta fuq il-mezzi soċjali wara li qed iqattgħu perjodu ta’ żmien f’pajjiżna.
Permezz ta’ filmat li ttella’ fuq Youtube twil kwarta sħiħa, vlogger iddeskriva l-esperjenza tiegħu f’pajjiżna, b’mod speċjali fiz-zona ta’ San Pawl il-Baħar.
Alex Mark qal kif il-pjazza ta’ Buġibba hi perikoluża biex timxi fiha, ir-ristoranti huma mdawrin b’siti ta’ kostruzzjoni, u l-bankini mimlijin boroż taż-żibel… qalb xeba’ traffiku li ma jispiċċa qatt.
“Xi ħadd iddeċieda li jagħmel madum tal-kamra tal-banju għal barra. Xi ħaġa vera perikoluża.”
“Xi ħaġa li ddejjaq lil ħafna dwar Malta hu l-fatt li kull sit spiċċa sit ta’ kostruzzjoni.”
“Storbju, tniġġiż u trab.”
“Imma għandi aħbar tajba għalikhom. Wara xahrejn ħadd ma jnaddaf it-toroq, fl-aħħar bdew inaddfu.”
Semma’ wkoll meta pajjiżna għamel il-jiem mingħajr provvista tal-elettriku, xi ħaġa li ħolqot diversi problemi. U matul il-filmat kollu jagħmel referenza għal siti ta’ kostruzzjoni wara l-ieħor u toroq maqlugħin kull fejn tħares.
“Nemmen li dan il-pajjiż huwa l-iktar fl-Ewropa bl-akbar ammont ta’ krejns u siti ta’ kostruzzjoni.”
“F’daqqa waħda, l-awtoritajiet iddeċidew li riedu jirranġaw nofs it-toroq ta’ Malta u dan ifisser li nofs it-toroq jinsabu magħluqin.”
“Traffiku staġnat kull fejn tmur – xi ħaġa komuni ħafna hawnhekk.”
U ma jistax jonqos li għamel referenza għall-għoli tal-ħajja.
“Il-prezzijiet qed jgħolew sew bis-salarji mhux qed ilaħqu ma’ dan. Il-prezzijiet tal-ikel qed jiżdiedu kull ġimagħtejn.”
Tqajmu wkoll il-kwistjonijiet tat-traffiku, periklu fit-toroq, u n-nuqqas ta’ fostijiet ħodor.
“It-tfal m’għandhomx positijiet siguri biex isuqu r-rota minħabba t-traffiku kbir li hawn u nuqqas ta’ infurzar li qed iwassal għal ħafna inċidenti tat-traffiku.”
“Kull fejn tmur, b’mod speċjali fi tmiem il-ġimgħa, issib ħafna nies tant li l-pajjiż hu overcrowded. Dan filwaqt li qed ikomplu jibnu iktar u iktar biex jiġu iżjed nies.”
“Attenti – m’hawnx wisq postijiet fil-kampanja.”
U ma jistax jonqos li għamel referenza wkoll għall-problemi li qed iġib il-ħmieġ.
“Il-ġimgħa l-oħra kont miexi u għadda minn ħdejja far. Spiċċajt qsamt it-triq u ftit ‘il bogħod rajt far ieħor. Kollha jduru viċin sit abbandunat li kulħadd jarmi fih. L-istess sit li jinsab faċċata ta’ skola primarja.”
Ara l-filmat sħiħ hawnhekk.
//= $special ?>