Futbol Sport

Draw f’Ibrox iħalli kollox miftuħ

(Ritratt: EPA)

Rangers u PSV Eindhoven temmew fi draw ta’ 2-2 fl-ewwel leg tal-Play-Offs tal-UEFA Champions League. F’partita mill-isbaħ kienu Rangers li fetħu l-vantaġġ permezz ta’ Abdallah Sima. PSV wieġbu fit-tieni taqsima u kien Ibrahim Sangare li ġab l-iskor indaqs. Rangers għal darb’oħra fil-vantaġġ fis-76 minuta permezz ta’ Rabbi Matondo biex erba’ minuti wara kien Luuk De Jong li reġa ġab l-iskor indaqs.

F’partita oħra, Copenhagen kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom kontra Rakow Czestochowa. Il-gowl li ddeċieda din il-partita wasal biss wara disa’ minuti permezz ta’ awto-gowl ta’ Bogdan Racovitan.

Ic-champions tal-Belġju Royal Antwerp ukoll kisbu rebħa ta’ 1-0 f’darhom kontra AEK Athens bil-gowl deċiżiv jasal wara kwarta logħob permezz ta’ Vincent Janssen.