Lokali

Erba’ żgħażagħ l-isptar wara li nirien jaħkmu dgħajsa ‘l barra miċ-Ċirkewwa

Erba’ żgħażagħ kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart tat-Tlieta waranofsinhar huma allegatament ġarbu xi ħruq estensiv ma’ ġisimhom hekk kif dgħajsa ‘l barra miċ-Ċirkewwa nħakmet minn nirien.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermaw ma’ Net News li ż-żgħażagħ huma 3 ta’ 26 sena mill-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u Iklin rispettivament kif ukoll wieħed ta’ 29 sena mis-Siġġiewi.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li n-nirien tkebbsu waqt li l-irġiel kienu qed isajru fuq dgħajsa privata, u f’ħin minnhom għola xi nar kawża ta’ xi nixxiegħa ta’ gass.

Jidher li l-irġiel, li l-identità tagħhom għadha mhux magħrufa, ngħataw l-għajnuna minnufih minn persuni ċivili li kienu fil-post fuq dgħajjes oħra. Dan filwaqt li taw l-għajnuna tagħhom ukoll membri tas-socjetà tas-salib l-aħmar.

Fil-post saħansitra ġew imsejħa erba ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-isptar għal aktar kura.

Ir-raġel ta’ 29 sena u r-raġel li jgħix Ħaż-Żebbuġ ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi,
filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Fuq id-dgħajsa kien hemm ukoll raġel ta’ 27 sena residenti Ħal Qormi u raġel ta’ 34 sena min-Naxxar li ma weġġgħux.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.