Lokali

“Id-dehra ta’ Malta trid tinbidel” – Kamra tal-Kummerċ

“Wasal iż-żmien li nirranġaw id-dehra ta’ pajjiżna.”

Sostniet dan il-Kamra tal-Kummerċ hekk kif esprimiet l-inkwiet tagħha għal fatt li fl-aħbarijiet internazzjonali Malta qed tiġi deskritta bħala d-destinazzjoni ideali fejn t-turisti jsibu l-alkoħol irħis, l-konsum ta’ droga legali u tbaħrit garantit.

Iċ-Chamber saħqet li din l-immaġini qed timmina għal kollox id-direzzjoni li pajjiżna għandu jieħu f’dawk li għandu x’jaqsam mas-settur turistiku. U tmur kontra dak kollu li l-Gvern ilu jwiegħed – ċioè turiżmu li jibbaża fuq il-kwalità.

Dan filwaqt li insistiet li għalkemm in-numru ta’ turisti li żaru lill-Gżejjer Maltin żdiedu…fil-verità l-infiq tagħhom naqas.

Iċ-Chamber spjegat li b’mod konsistenti qed tibqa’ tappella lill-Gvern biex jiffoka aktar fuq il-kultura u l-istorja fost oħrajn. Ġie spjegat ukoll li l-ħidma m’għandhiex tibbaża biss fuq il-marketing u l-PR – imma fuq ir-rinfurzar b’rabta mal-iskart, fuq l-indafa, l-ordni pubblika, ibħra nodfa, provvista tal-enerġija denja u inqas traffiku – bil-għan li t-turist igawdi minn esperjenza ta’ kwalità.

Il-Kamra tal-Kummerċ insistiet li anke l-fatt li kullimkien jinsab taħt kostruzzjoni, dan qed jaffettwa l-esperjenza tat-turist.

Għaldaqstant appellat li d-dehra ta’ pajjiżna għandha tiġi riveduta mill-aktar fis – u jekk ma narawx azzjoni tanġibbli biex Malta tkun destinazzjoni ta’ sustanza – il-viżjonijiet, riformi u strateġiji se jibqgħu fuq il-karta u ma jkunu swew għalxejn.

Finalment iċ-Chamber sejħet għal azzjoni immedjata mill-awtoritajiet hekk kif talbet biex Malta tiġi mħarsa u terġa’ ssir destinazzjoni ta’ kwalità u mhux sempliċiment hotspot tal-parties biss.