Instabu talanqas 20 mejtin qalb zona ta’ foresta meqruda min-nirien lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż u meta mistenni li ċ-ċifra tal-vittmi, tiżdied matul is-sigħat li jmiss.
It-traġedja kienet dovuta għan-nirien li ilhom talanqas erbat ijiem jaqbdu qalb territorju aħrax u li qegħdin jheddu dejjem aktar liz-zoni residenzjali madwar il-pajjiż. Intant, is-sitwazzjoni qed tiggrava minħabba l-effetti tal-bidliet fil-klima li kontribwew għal sajf tassew’infernali’ fil-Greċja u għal pajjiżi oħra tal-Ewropa.
Intant, l-akbar inċidenza tan-nirien qed taħkem fl-inħawi viċin Alexandroupolis, bl-awtoritajiet Griegi, jevakwaw l-għexieren tal-pazjenti minn sptar waqt li l-fjammi kienu qed javviċinaw dan il-kumpless b’veloċità allarmanti.
L-evakwati kienu jinkludu t-trabi li għadhom kemm twieldu flimkien ma’ pazjenti li jeħtieġu kura intensiva – u li l-parti kbira tagħhom ittellgħu fuq ferry li kien salpat f’port u li ftit żmien inbidel fi sptar fuq il-baħar. L-awtoritajiet intant anki jtellgħu t-tined għall-pazjenti madwar ix-xatt bħala reazzjoni għal din l-emerġenza rari.
Ir-rapporti, wara, qalu li l-fjammi laħqu nfirxu lejn sezzjonijiet tal-isptar minfejn instemgħu l-isplużjonijiet — x’aktarx li dovuti għaċ-ċilindri tal-ossiġinu fl-inħawi speċifiċi.
Il-port ta’ Alexandroupolis, jinsab viċin il-fruntiera Griega mat-Turkija fid-direzzjoni tal-grigal u filwaqt li l-awtoritajiet lokali qed jiffaċċjaw emerġenza akuta, hemm ukoll reġjuni oħra tal-pajjiż iddominati min-nirien kbar fost it-temperaturi ta’ kważi 40 gradi Celsius.
Fl-aħħar sigħat komplew jaqbdu anki n-nirien fuq il-gżira ta’ Evia kif ukoll f’Boeotia, lejn ċ-ċentru tal-Greċja u fejn saru l-evakwazzjonijiet tar-residenti minn diversi villaġġi.
Ingħad ukoll li mietu talanqas 20 b’konsegwenza tan-nirien li kienu qed jeqirdu zoni sħaħ qalb il-villaġġi fil-limiti ta’ Alexandroupolis.
Sadanittant, ir-ritratti miġbudin bis-satellita urew diversi reġjuni tal-Greċja koperti bi dħaħen suwed enormi li kienu qed iniġġżu l-arja u jżidu mal-kundizzjonijiet diffiċli li wħud irreferew għalihom bħala ‘apokalitiċi’.
Fl-aħħar sigħat kienu qed jaqbdu anki nirien oħra fl-inħawi ta’ Rhodope u maġenb il-kosta ta’ Kavala, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-ibnadi rispettivi ma waslux sa livell meqjus bħala inkontrollabbli.
Ir-rapporti, fl-istess ħin, sostnew li tliet imħażen f’zona industrijali lejn il-punent ta’ Ateni litteralment inbelgħu mill-fjammi.
Dan waqt li r-residenti fl-inħawi ta’ Fyli irċevew messaġġ urġenti fuq it-telefons ċellulari biex jabbandunaw din il-muniċipalità mill-aktar fis minħabba l-periklu immedjat għalihom.
//= $special ?>