Il-Qorti tal-Maġistrati għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex raġel mis-Sudan li għandu problema akuta ta’ droga jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex jegħleb il-vizzju inkluż, jekk ikun il-każ, li isegwi programm għar-rijabilitazzjoni mill-vizzju.
Dan biex jekk jista’ jkun jitgħallem xi sengħa jew forma ta’ xogħol ieħor għall-fini li jkun jista’ jirreintegra
ruħu aħjar fis-soċjetà meta jiskonta l-piena karċerarja ta’ 18-il xahar fuq serq imposta fuqu tiġi eżawrita. Il-Maġistrat Gabriella Vella kienet qed tiddeċiedi fil-konfront ta’ Kurishi Baker ta’ 30 sena li ammetta li fid-19 ta’ Lulju 2023, għall-ħabta ta’ bejn 3:30am u l-4.30am minn residenza fi Triq Hookham Frere, tal-Pietà, kkommetta serq ta’ baskett bil-ħwejjeġ li l-valur tagħhom ma huwiex iżjed min €2,329.37.
Huwa ammetta wkoll li mill-istess residenza seraq mobile li l-valur tiegħu ma jaqbizx il-€232.94 u li għex ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ. Ammetta wkoll li rrenda ruħu bħala reċidiv. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża dwar il-piena, fejn irriżulta li l-imputat ikkopera mal-Pulizija w ammetta immedjatament għar-reati imwettqa minnu.
Barra minn hekk hu ddikjara li ddispjaċih ta’ li għamel u rritorna l-mobile misruq hekk kif ġie arrestat u li huwa lest li jħallas is-somma ta’ €400 rappreżentanti l-valur tal-ħwejjeġ misruqa minnu. Mill-istess sottomissjonijiet irriżulta wkoll li l-imputat għandu problema ta’ abbuż ta’ droga u in oltre ma għandux residenza fissa fejn jgħix.
Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati minnu ammessi iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll li kkoopera mal-Pulizija, li rritorna l-mobile appena ġie arrestat, li huwa lest li jħallas is-somma ta’ €400 rappreżentanti l-valur tal-ħwejjeġ misruqa minnu uli rreġistra ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri.
Għaldaqstant il-Qorti sabet lill-imputat ħati, fuq ammissjoni tiegħu stess, ta’ l-imputazzjonijiet kollha dedotti fil-konfront tiegħu u kkundannatu għall-perijodu ta’ 18 xahar priġunerija effettiva. Mit-terminu ta’ imposti fuq l-imputat, għandu jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv.
Il-Qorti ordnat li l-imputat iħallas lill-vittma Ahmad Hussein Abdalaziz is-somma ta’ €400, rappreżentanti
l-valur tal-ħwejjeġ misruqa minnu. Dan il-ħlas għandu jsir permezz ta’ erba’ pagamenti mensisli konsekuttivi ta’ €100 il-wieħed, bl-ewwel pagament jagħlaq u jsir dovut xahar wara d-data meta l-imputat jiskonta l-piena karċerarja. Il-kumplament tat-tliet pagamenti għandhom isiru fit-tliet xhur sussegwenti u konsekuttivi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella.