Wara li l-Gvern ta’ Robert Abela għamel kampanja sħiħa jħajjar lill-Maltin biex japplikaw għal karriera fl-industrija tal-films f’pajjiżna u wara l-flus kbar li nefaq fuq ikliet gala u statwi ta’ dinożawri biex f’pajjiżna jinħadmu aktar films barranin, il-mistoqsija llum tibqa’ waħda: xi dħul verament qed iħalli dan kollu fl-ekonomija Maltija?
Fi stqarrija tal-PN ntqal li hu ċar li l-ġenerożità tal-Gvern ta’ Robert Abela li jtella’ l-cash rebate għal min jagħdem produzzjoni f’Malta għal 40%, kuntrarju għall-pariri li kellu mingħand esperti fil-qasam, mhux qed iħalli qliegħ fl-ekonomija Maltija, iżda sempliċiment li dawn il-miljuni qed imorru biex inħallsu l-pagi ta’ crews barranin sakemm idumu f’pajjiżna.
Aktar minn hekk, il-produzzjonijiet m’humiex qed jinħadmu kompletament f’Malta u għalhekk, illum qabel għada, il-Gvern irid ikun ċar u jispjega lill-poplu Malti kemm verament qed iħallu dawn il-produzzjonijiet fil-Kaxxa ta’ Malta meta mqabbel ma’ kemm qegħdin jingħataw f’cash rebate.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kieku l-Gvern hu kommess verament li jgħin lill-industrija tal-films lokali u lill-producers Maltin, aktar milli kien isib fondi mill-€143 miljun li ħareġ diġà biex jinvesti fil-karriera tal-industrija tal-films u jgħin l-ekonomija. Il-Partit Nazzjonalista jkompli jisħaq bis-sħiħ li jrid ikun hemm co-production fund, li jippermetti lil producers Maltin ikunu fuq level playing field ma’ oħrajn Ewropej.
Dan minbarra l-iscreen fund, li hu importani ħafna għall-industrija lokali għax jgħinhom jikkompetu ma’ produzzjonijiet barranin ta’ ċertu livell u kwalità. Minflok, meta mqabbel mal-€143miljun li ħallas il-Gvern mit-taxxi lill-barranin, alloka biss €600,000 lill-iScreen Malta Fund, li minnhom jistgħu japplikaw u jibbenefikaw kumpaniji Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li dawn ir-rapporti, ippubblikati fil-media lokali, huma turija ċara oħra ta’ tberbiq ta’ flus il-poplu għall-iskop ta’ ftit persuni biss, fl-istess nifs li l-Gvern ta’ Robert Abela jimla ras il-Maltin li jista’ jkollhom karriera u futur fl-industrija tal-films meta li jaf li dan m’hu minnu xejn.
Dan sostnietu Julie Zahra, il-Kelliem tal-PN għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura.
//= $special ?>