L-għaqda tar-residenti ta’ Marsaskala (MRN) kitbet ittra miftuħa lill-Prim Ministru sabiex jinbeda proċess ħalli jinbidlu l-liġijiet tal-ippjanar fir-rigward tal-bajja ta’ Marsaskala; dan bil-għan li tassew tiġi protetta u ma tibqax identifikata bħala post fejn tista’ ssir yacht marina.
Ir-residenti jridu li b’mod permanenti jkollhom is-serħan tal-moħħ billi jinbeda l-proċess sabiex il-bajja ma tibqax identifikata bħala post fejn tista’ ssir marina, u jsir dak kollu possibli sabiex il-bajja, bil-ħajja li fiha u l-ħajja li toffri, tiġi salvagwardjata u protetta.
L-istess residenti qed jinsistu li marina f’din iz-zona tkun qed iġġib magħha aktar tniġġis, tkun ta’ theddida għas-sajjieda, u jkollha impatt negattiv fuq il-ħajja soċjali ta’ dan ir-raħal li għadu joffri esperjenza unika anke lit-turisti li jżuruh regolarment.
Anke l-PN ilu sa mis-sena l-oħra jagħmel pressjoni fuq il-Gvern, tant li f’nofs kampanja elettorali l-Prim Ministru kellu jagħmel u-turn rigward il-proġett tal-marina.
Iżda issa, ir-residenti stess qed jgħidu li dan mhux biżejjed; tant li qed jappellaw lill-Gvern ta’ Abela biex jieħu azzjoni konkreta favur il-protezzjoni tal-bajja ta’ Marsaskala.
//= $special ?>