Josianne Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paule, m’għandhiex sal-aħħar tas-sena f’din il-kariga.
Dan hekk kif sorsi li tkellmu ma’ Net News żvelaw li l-ħaddiema f’din ir-residenza ġew infurmati minn Cutajar innifsiha li se tkun qed tirreżenja mill-kariga fix-xhur li ġejjin sabiex tiddedika l-ħin tagħha lejn il-professjoni medika.
Madanakollu, l-istess sorsi spjegaw li dan il-pass huwa kemmxejn ironiku ….u r-raġunijiet li ġabet qed iqajmu diversi dubji.
Sa minn meta l-Gvern tal-Labour, dak iż-żmien immexxi minn Joseph Muscat, kien ħatar lil Josianne Cutajar bħala CEO lura f’Ġunju tal-2013 – sena wara oħra bdiet tasal il-konferma li Cutajar żammet l-impjieg tagħha ta’ tabib tal-familja; b’waqtiet fejn, allegatament, kienet anke f’kunflitti ta’ interess.
Lura f’Awwissu tal-2016, Net News kien żvela li ma’ noticeboard ta’ San Vinċenz kienet twaħħlet nota li fuqha kien hemm miktub “2 beds in Room 8 – reserved for CEO”. U meta Net News saqsa lil Ministru responsabbli ta’ dak iż-żmien, Michael Farrugia, sabiex jinvestiga….. huwa kien prova jirredikola lill-ġurnalist u rrifjuta li jinvestiga.
Bosta kienu dawk li matul is-snin saħqu li Cutajar kienet qed tikser il-kodiċi tal-etika tal-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika – fosthom Denis Tanti li sa ftit tas-snin ilu kien jagħti pariri fil-qasam tad-dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz.
Lura fl-2020, il-Mexxej tal-Labour attwali Robert Abela kien saħaq li ma kienx se jaċċetta li xi ħadd fi tmexxija ta’ Awtorità jżomm l-impjieg personali tiegħu – iżda ironikament, il-media lokali kienet żvelat xi 9 xhur wara li Cutajar kienet għadha qed tipprattika l-professjoni privata tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li Abela għal darb’oħra kien wera dgħufija tiegħu u nuqqas ta’ awtorità li għandu fit-tmexxija ta’ pajjiż.
Għaldaqstant wara dan kollu, il-fatt li Cutajar se tkun qed tirreżenja minħabba din ir-raġuni bosta qed jarawha bħala gimmick, fejn diversi persuni li jaħdmu u ħadmu mill-qrib ma’ Josianne Cutajar qed jinsistu li allegatament hemm fatti aktar mistura milli hi stess qiegħda tgħid.